Vapur tal-Gozo Channel idur lura minħabba l-bagalji

Miguela Xuereb

Vapur tal-Gozo Channel kellu jdur lura minħabba li b’nuqqas ta’ ħsieb it-trolley tal-bagalji baqa’ abbord il-vapur li kien qed jaħdem fl-4am nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru li għadda.

Dan ikkonfermawh għadd ta’ ħaddiema, li ma’ Newsbook.com.mt qalu li dan l-iżball seħħ minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni tal-uffiċjal li kien fuq xogħol fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Il-każ jinvolvi grupp ta’ turisti li telqu mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa mal-vapur tat-3.30am biex minn hemm ikomplu l-vjaġġ tagħhom lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-Awstralja.

Ħaddiem li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li l-vapur kellu jerġa’ jdur lura minħabba li l-uffiċjal li kien xogħol mal-lejl kien kważi spiċċa x-shift tiegħu u għaldaqstant jidher li nesa jagħti l-ordni biex il-ħaddiema tal-kuntrattur iniżżlu t-trolley tal-bagalji.

Jidher li kif inbidel ix-shift, it-turisti lmentaw ma’ uffiċjal ieħor li kien għadu kemm daħal xogħol u kien hu li sejjaħ il-vapur lura peress li l-passiġġieri kellhom titjira x’jilħqu.

Sors ieħor qrib il-Gozo Channel qal li l-kumpanija ilha tirċievi lmenti dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur. Jispjega li l-affarijiet marru għall-agħar minn meta l-ħaddiema tal-moll waqgħu taħt il-kuntrattur. Fl-istess waqt stqarr li dawn “ma jafux xi tfisser dixxiplina” u li “ma tista’ tkellem lil ħadd”.

Newsbook.com.mt għamel diversi tentattivi biex jagħmel kuntatt maċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina, li huwa wkoll is-Sindku Laburista tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.

Nhar it-Tnejn li għadda, din il-kamra tal-aħbarijiet bagħtet dawn il-mistoqsijiet lill-Gozo Channel:

  1. Tikkonferma li vapur li ħadem matul il-lejl miċ-Ċirkewwa, telaq u reġa’ lura? 
  2. Jekk tikkonferma, x’kienet ir-raġuni li l-vapur ma baqax sejjer lejn Għawdex iżda reġa’ lura lejn iċ-Ċirkewwa?

Peress li dawn il-mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba, sar kuntatt telefoniku maċ-Ċermen li iżda qata’ l-linja kif sar jaf li t-telefonata saret min Newsbook.com.mt.