Tyre jibblokkja wieħed mill-iskrejjen tal-vapur t’Għawdex

Għall-ħabta tas-2pm il-vapur tal-Gozo Channel MV Gaudos trakka mal-moll ta' Paradise Bay, dak li huwa msemmi bħala South Quay.
Normalment dan il-moll jintuża f'kundizzjonijiet ħżiena tat-temp meta r-riħ ikun qawwi ħafna mal-mollijiet taċ-Ċirkewwa.
Sorsi li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li tyre kbir qabad ma' wieħed mill-iskrejjen tal-vapur. B'konsegwenza t'hekk il-vapur ittieħed lejn il-moll ta' Paradise Bay sabiex l-għaddasa jkunu jistgħu jneħħu t-tyre.
Mistoqsi jikkonferma jew jiċħad dan, iċ-Ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina qal li l-vapur żviluppatlu ħsara żgħira mingħajr ma żvela wisq dettalji.
Cordina qal li mill-informazzjoni li għandu, wara li niżżlu l-passiġġieri mal-moll taċ-Ċirkewwa, il-ħaddiema ċaqilqu l-vapur lejn il-moll ta' Paradise Bay biex issir il-manutenzjoni meħtieġa.
Mill-informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt l-iskeda tal-vapuri mhux se tiġi affettwata sakemm ma jkunx hemm bżonn ta' shuttle service.