Vapur ieħor miżmum milli jbaħħar jaħrab minn Malta

Kollox jindika li vapur irreġistrat f'Beliże u li kien miżmum milli jitlaq, irnexxilu jaħrab minn Malta.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-jiem li għaddew, il-vapur Madra daħal fil-baħar territorjali Malti biex jingħata l-fjuwil.
Sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li ftit tal-ħin wara li wasal Malta, dan il-vapur inżamm milli jbaħħar minn kumpanija Griega filwaqt li nżamm ukoll għat-tieni darba minn kumpanija oħra Maltija.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li nħarġu l-mandati għall-arrest u abbord il-vapur telgħu wkoll marixxalli Maltin.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt indikaw kif dan il-vapur, li wasal Malta minn Kartaġni fi Spanja, m’għadux jidher fil-pożizzjoni li fiha kien miżmum milli jbaħħar u għalhekk il-kaptan m’obdiex l-odnijiet mogħtija mill-awtoritajiet Maltin.
Filfatt l-aħħar darba li ntlemaħ il-vapur Madra kien fit-23 ta’ Awwissu u kollox jindika li x’aktarx intfiet is-sistema tan-navigazzjoni bis-satellita.
Dan huwa l-iktar każ riċenti ta’ vapur li nżamm u telaq minn Malta.
F’Mejju li għadda, il-vapur Atlantik kien ħarab minn Malta wara li kien ordnat biex jankra ftit ‘il barra mill-kosta Maltija, minħabba problemi relatati mas-sidien.
Aktar tard il-vapur instab qrib it-Turkija. Fuq dan il-każ kienet saret inkjesta.