Vann jinqabad jidħol il-ħabs bid-droga

Illum għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, instabet kwantità ta’ droga eroina u nofs flixkun methadone taħt id-dashboard ta’ vann li kien fil-ħabs biex jipprovdi servizzi elettroniċi.

Il-persuna li kienet qed issuq il-vann bħalissa qed tinżamm arrestata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin. Din is-sejba saret wara li aktar kmieni din il-ġimgħa żewġ uffiċjali tal-ħabs ġew sospiżi wara li rriżultaw pożittivi għad-droga kokaina meta ġew ordnati testijiet tal-urina mill-Ministru tal-Intern.

Il-Ministeru tal-Intern qal fi stqarrija li s-sigurtà fil-Faċilità Korretiva tal-Ħabs qed tingħata prijorità biex kif qal il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia tinqered darba għall-dejjem id-droga mill-Facilità Korretiva ta’ Kordin. Dan bil-għan li l-ħabs tassew ikun jista’ jirriforma lill-priġunieri.