Attakk Terroristiku Barċellona: M’hemmx vittmi Maltin

Ma kienx hemm vittmi Maltin fl-attakk li seħħ f'Las Ramblas, Barċellona, ikkonferma l-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet.
Mill-inqas 13-il persuna mietu u madwar 50 oħra indarbu f'dak li qed jitqies bħala attakk terroristiku f'Barċellona.
Kien ftit qabel il-5pm, meta vann daħal f’folla nies fiż-żona turistika Ramblas, u darab għexieren ta' persuni.
Iż-żona ġiet evakwata mill-Pulizija, filwaqt li ssejħu diversi ambulanzi biex jassistu lill-midruba.
Barra minn hekk, tal-ħwienet, restoranti u lukandi ġew ordnati jagħlqu u ma joħorġux fit-triq. Il-metro u l-istazzjonijiet tal-ferrovija magħluqa wkoll.
Il-Pulizija issa tinsab għaddejja bit-tfitxijja għas-sewwieq tal-vann, li ħarab minn fuq il-post. Rapporti qalu li żewġt irġiel involuti fl-attakk qed jistaħbew f'wieħed mir-restoranti fl-inħawi.
L-Arċisqof Charles Scicluna fi tweet iddeskriva din l-aħbar bħala waħda orribbli u wiegħed it-talb għall-vittmi kif ukoll għal Barċellona.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta informa lill-pubbliku li l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Madrid tinsab lesta biex tgħin lill-Maltin li għandhom bżonn l-assistenza.
L-indirizz tagħha huwa:
Paseo Castellana, 45 – 6ªplanta, 28046 Madrid, Spain
Tel.: +34 91 391 3061
E-mail: maltaembassy.madrid@gov.mt 
Honorary Consul of Malta in Barcelona
Dr Luis Sampere Giménez
C/ Tuset, 32, 7º 2ª -08006 Barcelona
Tel.: 00 34 93 4156600
E-mail: maltaconsul.barcelona@gov.mt
F’każ ta’ emerġenza, ċittadini Maltin jistgħu jċemplu lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fuq 21242191.