Vann jaħbat f’karozza wieqfa fl-Imġarr; mara tinqabad ġewwa

Christoph Schwaiger

Mara inqabdet ġo karozza li kienet wieqfa mal-ġenb tal-bypass tal-Imġarr wara li ħabat fiha vann.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tat-8am illum. Jidher li l-mara waqfet mal-ġenb tat-triq, wara li l-karozza tagħha kellha xi ħsarat. Kien hemm li għal xi raġuni, vann baqa’ dieħel ġo fiha bil-konsegwenza li l-karozza tgħaffġet u l-mara ma setgħetx toħroġ minnha.

Fuq il-post issejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu lill-mara ta’ 68 sena mir-Rabat mill-karozza, filwaqt li ssejħet ukoll ambulanza. Hi weġġgħet ħafif.