Vanessa, Francesca, Valerie u Vince għandhom bżonnok

Festa ta' Ġenerożità llum bejn nofsinhar u nofsillejl

Dar tal-Providenza DTP

Vanessa, Francesca, Valerie u Vince huma fost 115-il persuna b’diżabilità li qed jingħataw l-għajnuna mid-Dar tal-Providenza, li din is-sena biss kellha bżonn €5 miljun biex topera. Fl-edizzjoni tal-lum tal-Festa ta’ Ġenerożità, li tibda f’nofsinhar u tibqa’ sejra sa nofsillejl, se jkunu qed jinġabru fondi f’ċirkostanzi partikolari, hekk kif minħabba l-pandemija tal-Covid-19, tħassru diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.

Min huma dawn ir-residenti?

Vanessa u Francesca huma tewmin bl-awtiżmu li qatt f’ħajjithom ma qalu sentenza. Meta kellhom 15-il sena huma marru joqogħdu fid-Dar tal-Providenza għax ommhom u missierhom ma setgħux iżommuhom aktar, peress li ma setgħux jafdawhom waħedhom għax kienu jweġġgħu. Missierhom semma kif l-awtiżmu hija ħaġa kontinwa, mhux ta’ darba f’ġurnata. Waħda mit-tewmin tiċċaqlaq mhux ħażin, it-tnejn nervużi u jbatu biex jitkellmu. Din il-kundizzjoni għamlithom perikolużi għalihom infushom peress li l-ġenituri ma setgħux jafdawhom waħedhom, għax jaf iwaddbu xi ħaġa u jweġġgħu.

Valerie twieldet b’diżabbiltà u llum toqgħod ġod-Dar tal-Providenza fejn ħajjitha marret għall-aħjar. Oħtha Elvia għadha tiftakar kif meta kienet żgħira, missierha kien qalilha li hi trid tistudja aktar biex ’il quddiem, tkun tista’ tieħu ħsieb lil oħtha. Oħtha Elvia għadha tieħu ħsiebha wkoll u żżurha ta’ spiss, apparti mill-fatt li bħalissa l-pandemija tellfitha xi ftit milli tqatta’ l-ħin ma’ oħtha. Elvia rrakkuntat kif mindu kienu żgħar, minn dejjem kienet taf li oħtha Valerie hi speċjali. Spjegat li oħtha għandha moħħha jiffunzjona tajjeb ħafna, pereżempju għandha memorja tajba u tiftakar in-numri u d-dati ta’ meta xi ħadd qribha jagħlaq sninu, u għalhekk jirnexxilha żżomm konverżazzjoni. Madankollu, Valerie hi limitata fiżikament.

Vince twieled l-Awstralja u t-twelid tiegħu kien normali. Ta’ madwar erba’ xhur kellu ċesta wara lsienu li kienet kibret u allura ħaduh l-isptar fejn qalulhom li kellhom bżonn jagħmlulu operazzjoni urġenti. Minħabba li kien għadu tarbija poġġewh f’inkubatur iżda żviluppaw xi problemi bil-konsegwenza li ibnu waqaf jieħu nifs u sofra minn brain damage. Minħabba dan, Vince spiċċa jbati minn forom differenti ta’ diżabilità. Missieru Manuel qal li jaf li meta jiġi nieqes, id-Dar tal-Providenza se tkun hemm għal ibnu.

Kif tista’ tgħin?

Bħal kull sena, il-festa se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni bejn nofsinhar u nofsillejl. Il-pubbliku se jkun jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel fuq in-numri li se jidhru, u min jixtieq jagħmel pleġġ jista’ jċempel fuq numru apposta, bid-donazzjoni tagħhom tintbagħat online jew bil-posta.

  • €10         51602012
  • €15         51702013
  • €25         51802014
  • €50         51902085
  • SMS €7   50618922
  • BOV Mobile  79324834
  • Paypal 79324834

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk f’dan l-indirizz:

Id-Dar tal-Providenza
Triq Lapsi
Is-Siġġiewi  SGW2822

Minħabba s-saħħa u s-sigurtà t’ kulħadd, u minħabba d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, l-aċċess għall-istudios fejn se ssir il-Festa tal-Ġenerożita se jkun limitat għall-VIPs mistiedna u għal dawk li se jkunu qed iwieġbu t-telefonati.

B’hekk il-persuni, kumpaniji, parroċċi jew entitajiet oħra li s-soltu kienu jmorru jippreżentaw id-donazzjoni tagħhom fuq il-palk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan. Però ġew mistiedna jikkuntattjaw id-Dar tal-Providenza fuq info@dartalprovidenza.org biex jippreżentaw id-donazzjonijiet tagħhom b’mod virtwali permezz ta’ Skype jew inkella permezz ta’ drive tru, jiġifieri jagħtu d-donazzjoni tagħhom mingħajr il-bżonn li joħorġu mill-karozza.

Bħal kull sena, il-festa se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni Maltija bejn nofsinhar u nofsillejl. Il-pubbliku se jkun jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel fuq in-numri li se jidhru, u min jixtieq jagħmel pleġġ jista’ jċempel fuq numru tal-posta, bid-donazzjoni tagħhom tintbagħat online jew bil-posta.

Intant, fil-maratona ta’ 30 siegħa tal-istazzjon 103 Malta’s Heart, inġabru €32,441. Il-flus li nġabru qabżu iktar mid-doppju tal-ġabra tas-sena li għaddiet, li kienet €12,710. Il-maratona kienet ippreżentata minn Arthur Caruana flimkien ma’ Ron Briffa, Ian Busuttil Naudi u Jes Saliba.

115 persuna b’diżabilità jgħixu fir-residenzi tad-Dar tal-Providenza, kemm fid-Dar tal-Providenza nnifisha fil-limiti tas-Siġġiewi kif ukoll f’Żerniq fis-Siġġiewi, f’Akkwarell fil-Qawra, f’Dar Pirotta f’Birkirkara u f’Shalom iż-Żurrieq. Id-dar toffri ambjent li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Id-Dar tal-Providenza toffri wkoll servizz ta’ respite lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, u b’hekk tagħtihom l-appoġġ li għandhom bżonn biex tgħin lil dawn il-persuni jibqgħu jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom.