Vandaliżmu Qbajjar: Il-Viċi Sindku jrid azzjoni immedjata

L-att vandalu fuq it-Torri tal-Qbajjar fil-limiti ta’ Marsalforn wassal biex il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u Marsalforn iressaq mozzjoni. 

F’kumment lil Newsbook.com.mt, il-Viċi Sindku Mario Cassar qal li llum ressaq mozzjoni dwar l-att vandalu li seħħ fuq it-Torri tal-Qbajjar, biex tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill.

Huwa kkundanna l-vandaliżmu fuq il-Batterija ta’ Santa Marija, sit li hu aktar magħruf bħala t-Torri tal-Qbajjar.

Kien Newsbook.com.mt li lbieraħ filgħaxija żvela dan l-att vandalu wara li rċieva ritratti li juru l-faċċata tat-torri b’numru ta’ graffiti b’żebgħa blu u ħamra.

Fost l-oħrajn kien hemm anke kliem oxxen.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li l-att vandalu seħħ matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Reazzjoni Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu:

Il-GTA tikkundanna dan l-att vandalu li kien jinkludi wkoll tkissir ta' twieqi.

Inkoraġġixxiet lill-Għawdxin biex jieħdu ħsieb il-wirt storiku tal-gżira, filwaqt li appellat lill-awtoritajiet responsabbli biex jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex il-ħsara li saret tiġi rimedjata.