Vandaliżmu fil-fitness park ta’ Ħal Qormi għal 7 snin – Bonnici

SportMalta

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-outdoor gym and fitness park ta’ Ħal Qormi ilu jiġi vandalizzat għal dawn l-aħħar seba’ snin. Spjega li kemm-il darba saru tiswijiet fuq l-apparat, iżda dan sikwit jerġa’ jiġi vandalizzat.

Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Clyde Puli, li staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni kif dan il-park tħalla jaqa’ “fi stat ta’ abbandun.”

Bonnici spjega li SportMalta ilu jieħu ħsieb din iż-żona mill-2013. Tul dawn is-snin, sar vandaliżmu fuq żewġ magni li nbidlu s-sena li għaddiet, filwaqt li ngħata żebgħa l-bqija tal-apparat.

Fl-2018 inbidel it-trampolin u reġa’ ssewwa sitt xhur wara, peress li kien ġie vandalizzat. Dan l-aħħar reġa’ sar xi vandaliżmu fuq it-trampolin, u ġew ordnati sett ta’ molol u clips.

Il-Ministru żied jgħid li xatba li tagħti għaż-żona tat-tfal sikwit tispiċċa fil-mira tal-vandali, u anke ċ-ċint tal-madwar.

SportMalta żżomm kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi fuq it-tiswijiet li jsiru. Il-Kunsill għandu aċċess għall-kameras fiż-żona. L-ispejjeż għat-tiswijiet bejn l-2013 u l-2019 kienu ta’ €428,553. SportMalta jonfoq madwar €6,000 fis-sena fuq manutenzjoni u dawl.