Ħaddiema jnaddfu l-vandaliżmu fuq il-mafkar

Aġġornat 05:59 PM
Photo: Miguela Xuereb

Read in English.

Il-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia tnaddaf mill-ħaddiema tal-Gvern wara li dan ġie vvandalizzat minn xi persuni.

Matul il-lejl li għadda, persuni mhux magħrufa waddbu likwidu ta’ kulur aħmar lill-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u saħansitra ċappsu l-monument tal-Assedju l-Kbir.

Bosta attivisti tellgħu ritratti fuq il-media soċjali dalgħodu u sostnew li aġir bħal dan m’għandux isir.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, l-attivisti ta’ Occupy Justice sostnew li għal 28 xahar huma ġew akkużati li vvandalizzaw il-mafkar għax madwaru poġġew il-fjuri u x-xemgħat. Irrimarkaw li bosta għajtu li l-monument huwa tal-Maltin. “Issa araw b’għajnekhom dak li għamlu xi persuni matul il-lejl li għadda. Min huma l-vandali issa?” sostnew l-attivisti.

We have been protesting for 28 months, accused of vandalising the memorial with our flowers and candles . People were…

Posted by Occupy Justice Malta on Tuesday, January 28, 2020

Dan l-att vandalu ġie propju ftit tas-sigħat qabel il-protesta li se tkun qed issir illejla fil-Belt Valletta, propju quddiem il-Parlament. Il-protesta ssejħet wara l-aħbar li l-Gvern kien qed jipproponi lil Konrad Mizzi għal rwol ġdid f’istituzzjoni Ewropea. Wara l-kontroversja li qamet dwar din in-nomina, il-Gvern ħabbar li rtira l-proposta tiegħu dwar Mizzi.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-għaqda Occupy Justice sabet diversi messaġġi dispreġġjattivi miktubin fuq kartun mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Permezz ta’ post fuq Facebook, l-għaqda spjegat li dawn il-messaġġi fost l-oħrajn jgħidu li Caruana Galizia kellha bżonn eżorċista.

Ftit tal-jiem wara l-ħatra tiegħu bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta, Robert Abela ta ordni biex il-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta ma jintmessx.