Valletta u Luxol mill-ġdid fil-finali tal-Elite

Valletta u Luxol mill-ġdid fil-finali tal-Elite, wara li rebħu wkoll it-tieni leg tas-semifinali tal-Play Offs kontra Ħamrun Tre Angeli u Swieqi United rispettivament.
Il-Beltin marru mill-ewwel fuq l-offensiva u kisbu vantaġġ doppju permezz tal-Kolumbjan Camilo Andres Gomez Vanegas u Melvin Borg. Fit-tieni taqsima kellna żewġ gowls oħra mit-tim tal-Kapitali minn Redeemer Borg u għal darb’oħra Melvin Borg. Żewġ minuti mit-tmiem, il-Ħamruniżi naqsu d-distakk b’gowls ta’ Stefan Camilleri u Daniel Mifsud. B’hekk Valletta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2 u b’aggregate ta’ 9-3.
Luxol aċċertaw posthom ukoll fil-finali meta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 4-1 u aggregate ta’ 10-2. It-tim minn St. Andrew’s fetaħ l-iskor permezz ta’ Zvezdan Vukovic u hekk intemmet l-ewwel taqsima. Bidu tajjeb tat-tieni taqsima għal Swieqi United ġabu l-iskor indaqs permezz taż-żagħżugħ Aidan Micallef, iben Christian Micallef li jilgħab ma’ Mriehel ESS. Għaldaqstant Luxol riedu jagħmlu ċert li jirbħu din is-semi finali b’doppjetta ta’ Andy Mangion u gowl ta’ Gian Carlo Sammut.
B’hekk issa Valletta u Luxol jikkontestaw bejniethom ir-rebħ tal-kampjonat fil-finali, bl-aqwa minn tliet logħbiet.
Matul din il-ġimgħa mill-Ewwel Diviżjoni, it-tim tal-Università ta’ Malta kellu żewġ logħbiet, fejn għeleb lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 7-2 u tilef kontra Qormi bl-iskor ta’ 5-4.
Fl-ewwel logħba l-Universitarji kellhom tripletta ta’ Jose Maria Aguilera Castallano, doppjetta ta’ Nermin Hasanbegovic u gowl kull wieħed għal Shawn Deguara u Rodney Debono. Sean Vella u Ricardo Ortega Toro skurjaw għat-tim ta’ Pietà.
Fil-logħba l-oħra, Qormi rebħu r-raba’ rebħa konsekuttiva fi tmiem dan l-istaġun b’tripletta ta’ Antoine Galea u gowl kull wieħed għal Miguel Alcaraz, Patrick Barbara u Bertram Azzopardi. Għall-Universitarji li kienu 3-0 minn fuq, skurja tliet darbiet Jose Maria Aguilera Castellano u gowl kull wieħed għal Nermin Hasanbegovic u Daniel Zahra.  
Fil-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni qabel il-play offs insibu l-Università ta’ Malta bi 32 punt, Tarxien JMI bi 30 punt, Pietà Nordiska 27, Qormi 21, Swieqi United U21 u Marsaskala b’disa’ punti, u l-Junior College bla ebda punt.
Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:
Mill-Play Offs tal-Ewwel Diviżjoni
Il-Ħamis 15/3/18
Fit-8:00 pm Mriehel ESS vs Pietà Nordiska
Fid-9:15 pm L-Università ta’ Malta vs Tarxien JMI
L-Ewwel Finali tal-Play Offs tal-Elite
Il-Ġimgħa 16/3/18
Fit-8:00 pm Luxol vs Valletta