​Valletta SP ikomplu jirbħu, Marsa SM ikomplu jsegwu

Il-leaders tal-kampjonat Valletta St Pauls kisbu rebħa komda ta’ 4-1 kontra Fleur de Lys CFK sabiex baqgħu jżommu t-tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Marsa St Michael illi min-naħa tagħhom kisbu rebħa mingħajr ma lagħbu wara walkover fuq Valletta Stars.
Minkejja t-telfa ta’ 4-1, it-tim minn Fleur de Lys onora l-logħba bl-aħjar mod meta sal-ewwel taqsima kien għadu fil-logħba bil-kowċ tagħhom jibbaża tattika difensiva illi mbagħad tiżviluppa f’kontrattakki.
Min-naħa tagħhom Valletta urew l-intenzjonijiet sa mill-bidu hekk kif kellhom lill-plejer Kane Psaila f’forma mill-aqwa tant illi skorja doppjetta f’din il-partita.
Kien proprju l-istess Psaila illi fetaħ l-iskor wara kwarta logħob sabiex ħames minuti wara kien Olumide Osaile li rdoppja l-iskor għat-tim mill-kapitali.
Fleur de Lys bdew joperaw bil-kontrattakki u f’wieħed minnhom irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor meta Chris Barbara għeleb lill-keeper avversarju.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Valletta St Pauls 2-1 minn fuq.
Fit-tieni taqsima St Pauls kienu determinati li jieħdu r-riżultat tant illi ħarġu iktar aggressivi u skorjaw għal darba darbtejn f’temp ta’ minuta.
Fil-65 minuta, Valletta ngħataw penalty wara rregolarità fil-kaxxa avversarja sabiex mill-11-il metru kien Aleksandar Ribic illi tefa’ wara l-keeper ta’ Fleur de Lys.
L-iskor sar 4-1 minuta wara meta Kane Psaila sab il-ballun ma’ saqajh u b’xutt tajjeb skorja gowl ieħor għall-Beltin u għaqqad doppjetta personali.
Kif għedna Marsa St Michael rebħu t-tliet punti mingħajr ma lagħbu wara li għal darb’oħra Valletta Stars ma tfaċċawx għal-logħba u b’hekk il-Marsin ħadu walk-over ta’ 2-0.
Senglea Gunners rebħu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 5-1 sabiex reġgħu rritornaw għar-rebħ u komplew isaħħu t-tielet post.
Kienet wirja ferm tajba tat-tim mill-Kottonera li lagħbu din il-partita b’10 plejers u fost kulħadd spikka l-plejer-kowċ Clint Ellul illi kien awtur ta’ doppjetta.
Santa Lucia ppruvaw jagħmlu reazzjoni iżda fil-ġurnata Senglea kienu tajbin ferm u ħadu t-tliet punti b’mod meritat.
Kienu t-tim mill-Isla li marru fil-vantaġġ grazzi għall-iskorer prolifiku Glenn Brincat illi nkuruna wirja pożittiva oħra hekk kif skorja mill-viċin.
Minkejja kollox il-Falcons wettqu reazzjoni u ġabu d-dro fl-14-il minuta permezz ta’ Martin Busuttil illi skorja t-tieni gowl tiegħu matul dan l-istaġun.
Senglea ftit infixlu minkejja l-inferjorità numerika u reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Darren Cassar sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’Senglea 2-1 minn fuq.
Fit-tieni taqsima, il-Gunners ħarġu ferm tajjeb u ssoprendew lil Falcons hekk kif fid-49 minuta l-plejer-kowċ Clint Ellul daħal tajjeb filwaqt illi tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
L-istess plejer għaqqad doppjetta personali meta reġa’ skorja fil-65 minuta.
Żewġ minuti wara l-iskor sar 5-1 meta Glenn Brincat approfitta minn indeċiżjoni difensiva sabiex f’lasta vojta ssiġġilla t-tielet rebħa staġjonali għat-tim tiegħu.
KLASSIFIKA:
Valletta St Pauls 21, Marsa St Michael 18, Senglea Gunners 10, Valletta Stars 7, Fleur de Lys 4, Santa Lucia Falcons 1
Ritratti u dettalji: Robert Busuttil; Warren Sammut