Valletta ogħla minn Londra fl-aħħar tas-sena

It-tieni l-ogħla fl-Ewropa - Malta bi prezzijiet għoljin illejla

Dawk li llejla se jkunu qed jorqdu f’lukanda fil-Belt Valletta se jkunu qed iħallsu aktar minn dawk li jagħmlu l-istess f’Londra. Dan joħroġ minn stħarriġ li sar minn Cheaprooms.co.uk.

Is-sit żvela li l-Belt Valletta hija t-tieni l-ogħla destinazzjoni fl-Ewropa f’dan l-aħħar jum tal-2019. Instab li dawk li ġejjin iqattgħu dan il-lejl f’Malta se jkunu qed iħallsu madwar 700% aktar mis-soltu.

Instab li l-aktar destinazzjoni għolja għall-31 ta’ Diċembru 2019 hija Edinburgh fl-Iskozja. Il-kmamar jibdew minn €425 – żieda ta’ 600% aktar minn lejl normali f’Jannar.

F’Malta l-prezzijiet jibdew minn madwar €408 għal kamra doppja.

Fit-tielet post għall-aktar prezzijiet għoljin din is-sena hemm Vienna fl-Awstrija. Il-prezzijiet jibdew minn madwar €296 – żieda ta’ 295% aktar mis-soltu.

Il-prezzijiet f’Londra jibdew minn €275 – differenza ta’ €133 meta mqabbel ma’ Malta.

L-istħarriġ ta’ Cheaprooms.co.uk ikkumpara 40 destinazzjoni fl-Ewropa għal Lejlet l-Ewwel tas-Sena 2019. Ir-rati li ppubblikaw juru l-irħass prezz għal kamra doppja fil-31 ta’ Diċembru f’lukanda ċentrali li għandha mill-inqas tliet stilel.