Valletta jgħaddu, Floriana jinqalgħu mill-UEFA Europa League

UEFA Europa League
L-Ewwel Rawnd Preliminari – It-Tieni Leg
Folgore 0
Valletta 1

Valletta għaddew għat-tieni rawnd preliminari tal-UEFA Europa League wara li f'San Marino rebħu bl-iskor ta' 1-0 kontra Folgore.
Biex b'hekk, wara r-rebħa ta' ġimgħa ilu f'Kordin, Valletta għaddew b'aggregate ta' 3-0 u issa se jkunu qed jiltaqgħu kontra Utrecht tal-Olanda.
Bl-iskor tal-ewwel leg favurihom, Valletta kellhom bżonn biss li jikkontrollaw lill-avversarji u jiddefendu r-riżultat.
Iżda 20 minuta mit-tmiem, freekick ta' Santiago Malano għal Valletta spiċċa stampat mal-mimduda, bil-ballun jaħbat mal-gowler u jispiċċa fix-xibka, biex Valletta rnexxielhom joħrġu b'rebħa barra minn darhom.
Floriana 3
Red Star Belgrade 3

Min-naħa l-oħra, Floriana sfaw eliminati kontra l-qawwa ta' Red Star Belgrade, minkejja d-dro ta' 3-3 li kisbu fil-grawnd tal-Hibs, f'Kordin.
It-telfa ta' ġimgħa ilu bl-iskor ta' 3-0, ftit li xejn ħalliet tamiet għal Floriana.
Kienu s-Serbi li fetħu l-iskor permezz ta' Boakye wara biss 12-il minuta, u eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Steve Pisani ġab id-dro minn penalty.
Fit-tieni taqsima, Red Star fetħu vantaġġ doppju f'temp ta' sitt minuti bejn il-25 u l-31 minuta, l-ewwel permezz ta' Boakye u mbagħad minn Nenad Milijas.
Iżda fl-aħħar kwarta, Floriana rnexxielhom jerġgħu jidħlu fil-logħba, b'Maurizio Vella jnaqqas id-distakk u Ignacio Varela jġib id-dro sitt minuti mit-tmiem.