Valletta jegħlbu lil Hamrun f’konfront iebes u eċċitanti

Bħal dejjem tispikka r-rivalità bejn il-Beltin u l-Ħamruniżi anki fil-futsal. Hamrun Tre Angeli kienu ġejjin minn telfa ta’ 4-0 kontra Luxol. Minkejja li Valletta ġew penalizzati bi tliet punti bħala miżura dixxiplinari fuq l-inċidenti tal-istaġun li għadda, rebħu l-logħbiet kollha tagħhom s’issa.
Għal ħinijiet twal kellna diversi gowls fuq kull naħa u meta dehret li l-logħba se tintemm bl-iskor ta’ 4-4, l-Beltin ħadu l-kontroll assolut u fl-aħħar żewġ minuti skurjaw it-tliet gowls li tawhom ir-rebħa ta’ 7-4.
Il-Ħamruniżi kisbu vantaġġ doppju permezz ta’ żewġ assists ta’ Luke Stivala lejn Daniele Degennaro. Raphinha reġa’ daħħal lill-Beltin u Melvin Borg ġab id-dro għal 2-2. Fl-aħħar 40 sekonda, Jason Mifsud poġġa fuq platt tad-deheb il-ballun tat-3-2 lejn Daniele Degennaro u hekk għalqet l-ewwel taqsima.
Żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, kien il-captain ta’ Valletta Xavier Saliba li skurja l-gowl tad-dro għal 3-3. Ftit wara, fi tliet minuti Hamrun Tre Angeli reġgħu marru fil-vantaġġ u Raphinha reġa’ ġab id-dro. Minn hawn il-Beltin kienu iktar determinati li jirbħu dan il-konfront. Fl-aħħar żewġ minuti, gowl ta’ Denis Di Maio u żewġ gowls oħra ta’ Raphinha, taw bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji preżenti Beltin.
Intant matul din il-ġimgħa Sliema rritornaw għar-rebħ, meta għelbu lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 11-3. George Frendo bis-sitt gowls personali tiegħu, mexxa lill-Imsida għal rebħa ta’ 13-4 fuq Qrendi. L-istudenti universitarji ċċelebraw il-ħamsin preżenza tagħhom fil-kampjonat Malti tal-futsal, meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 11-4. Safi San Lorenzo li kellhom żewġ konfronti iebsin kontra Luxol u Valletta, rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 5-2. Luxol ikomplu juru l-qawwa tagħhom meta għelbu lil Mriehel ESS bl-iskor ta’ 9-0. Fl-aħħarnett Qormi għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 10-5.
Qabel il-waqfa għat-tim nazzjonali Malti li se jkun impenjat barra minn xtutna, il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:
16/1/17
Hamrun Tre Angeli vs Swieqi (20:00)
Mriehel ESS vs Sliema (21:15)
17/1/17
UOM vs Zurrieq Wolves (21:15)