Valletta jaċċertaw l-ewwel rebħa kontra Luxol

Valletta rebħu l-ewwel finali bl-aqwa minn tlieta tal-kampjonat Elite, meta għelbu lil Luxol bl-iskor ta’ 5-1. Il-Beltin sa mill-bidu kienu magħqudin u determinati li ma jagħtux ċans lill-avversarji tagħhom.
Fit-12-il minuta, kien il-plejer Ġorġjan Gia Nikvashvili li fetaħ l-iskor u poġġa lil Valletta fil-vantaġġ. Daqs minuta wara Andy Mangion għamel l-iskor indaqs u hekk intemmet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Valletta komplew fejn ħallew aktar qabel u wara biss żewġ minuti, reġa’ kien Nikvasvili li poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ. Ftit wara, kien imiss lill-Kolumbjan Camilo Andres Gomez Vanegas li għamilhom 3-1. Nikvashvili għaqad tripletta personali u Dylan Musu ssiġġilla r-riżultat finali ta’ 5-1.
Il-ġimgħa d-dieħla, Valletta u Luxol jerġgħu jkunu protagonisti fit-tieni finali tal-kampjonat Elite. Dakinhar Valletta se jikkonfermaw ir-rebħ tal-kampjonat Elite jew inkella Luxol joħorġu rebbieħa biex kollox jiġi deċiż fit-tielet u l-aħħar sfida.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Mriehel ESS u Tarxien JMI għamluha għal-finali tal-Play Offs, wara li għelbu lil Pietà Nordiska u t-tim tal-Università ta’ Malta rispettivament.
Fl-ewwel semifinali, Mriehel ESS għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 2-1. Kienu Pietà li fetħu l-iskor, 20 sekonda mit-tmiem tal-ewwel taqsima, permezz ta’ Nikolay Filipov. Christian Micallef għamel l-iskor indaqs u daħħal lil Mriehel ESS fil-logħba. L-istess Mriehel ESS qatgħu l-passaġġ għall-finali, bil-gowl tar-rebħa skurjat minn Faisal Alnakoo u li wasal 30 sekonda mit-tisfira finali.
Fit-tieni semifinali, Tarxien JMI għamluha għall-finali wara taqtigħa interessanti ta’ 4-4 kontra t-tim tal-Università ta’ Malta. B’dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet marru minnufih għall-għoti tal-penalties, li minnhom Tarxien JMI ħarġu rebbieħa 3-1.
It-tim tal-Università kienet qed igawdi vantaġġ ta’ 3-0, b’doppjetta ta’ Shawn Deguara u gowl ta’ Jose Maria Aguilera Castellano. Fit-tieni taqsima Tarxien JMI qamu għall-okkażjoni, billi naqsu l-iskor b’gowl ta’ Craig Pickard u awtogowl ta’ Dylan Cacciatolo. Fit-30 minuta, Dusan Rakic reġa’ qawwa t-tamiet lill-Universitarji. Għaldaqstant Manuel Caruana u Claudio Venuto reġgħu ġabu l-iskor indaqs.
Fl-għoti tal-penalties, għal Tarxien JMI skurjaw Radovan Duric, Uros Markovic u Armando Djepali. Filwaqt li għall-Universitarji skurja Dusan Rakic iżda qablu falla Jose Maria Aguilera Castellano.
Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:
Il-Finali tal-Play Offs tal-Ewwel Diviżjoni
Il-Ħamis 22 ta' Marzu
Fit-8:00pm Mriehel ESS vs Tarxien JMI
It-Tieni Finali tal-Play Offs tal-Elite
Il-Ġimgħa 23 ta' Marzu
Fit-8:00pm Valletta vs Luxol
Ritratt: Joe Borg