Valletta FC Futsal jirbħu l-finali tas-Super Cup

Joe Borg

Valletta FC Futsal rebħu l-finali tas-Super Cup. Huma għelbu lil Luxol St Andrews Futsal bl-iskor ta’ 7-3.

Din is-sena Valletta trasformaw l-iskwadra b’numru ta’ akkwisti ġodda u tmexxija teknika ġdida. Carlo Scicluna nħatar bħala l-coach il-ġdid u qed jiġi megħjun minn Christian Micallef. Luxol kienu mpenjati dan is-Sajf wara li ġew l-ewwel fil-Grupp tar-Rawnd Preliminari tal-UEFA Futsal Champions League.

Wara biss żewġ minuti l-Beltin marru fil-vantaġġ permezz tal-captain Jovica Milijic li kellu prestazzjoni mill-aqwa tul il-logħba kollha. Tliet minuti wara kien Gia Nikvashvili li għal ftit ma għamilhomx 2-0, wara li pprova jaħsad lill-gowler avversarju Stefan Vella li salva f’korner. Mal-għaxar minuta Luxol ġabu d-draw permezz tal-captain Mark Zammit. Daqs minuta wara kien Nikvashvili li ġie waħdu mal-gowler u għamilhom 3-1, biex b’hekk intemmet l-ewwel taqsima.

F’inqas minn żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Luxol marru viċin li jnaqqsu l-iskor meta minn freekick dirett Celino Alves laqat il-lasta. F’inqas minn minuta wara Alves reġa’ kien protagonista imma din id-darba minn żball tiegħu approfitta Nikvasvili li b’xutt b’saħħtu mill-viċin skurja r-raba’ gowl Belti. 17-il sekonda wara Luxol naqsu l-marġni tal-iskor meta Andy Mangion skurja f’lasta vojta.

Kien hawn li Luxol tefgħu kollox fuq l-attakk. Meta kien fadal sitt minuti logħob, Mohammed Lamari għamilhom 5-2 għal Valletta. Minuta wara Luxol ħadu daqqa oħra meta tkeċċa għalihom Marwan Telisi li rċieva t-tieni karta safra.

Fl-aħħar żewġ minuti Valletta ħadu l-kontroll assolut u skurjaw żewġ gowls f’qasir żmien. L-ewwel kien il-goaler Brandon Debono li skurja minn lasta għall-oħra u għal darb’oħra Lamari. Meta kien fadal biss 45 sekonda għat-tisfira finali, Giancarlo Sammut skurja t-tielet gowl għat-tim minn St. Andrews.