Valletta FC Futsal jieħdu l-ewwel rebħa fil-league

Bidu tajjeb għaċ-ċampjins Maltin Valletta FC Futsal fl-ewwel logħba minn Grupp E tar-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Champions League. Il-Beltin ħadu l-ewwel tliet punti meta għelbu liċ-ċampinjs Estonjani ta’ Cosmos bl-iskor ta’ 4-2.

Il-plejer internazzjonali mill-Ġorġja Murtaz Kakabadze skurja l-ewwel gowl Belti wara tliet minuti. Il-Kolumbjan Camilo Gomez u skurja wara 12-il minuta u għamilhom 2-0. Għaldaqstant Cosmos naqsu l-marġni tal-iskor, meta żewġ u minuti u nofs qabel tmiem l-ewwel taqsima, Stepan Tsemoussov ikkonkluda fix-xibka.

Il-Beltin ġew maħsuda fil-ftuħ tat-tieni taqsima, hekk kif wara seba’ sekondi Cosmos għamlu l-iskor indaqs (2-2) permezz ta’ Erik Grigorjev. Fit-33 minuta Valletta mill-ġdid fil-vantaġġ, b’xutt b’saħħtu mix-xellug tal- Ispanjol Yerai Hernandez Gutierrez. Il-Beltin ssiġġilaw l-ewwel rebħa fl-aħħar minuta permezz tas-Serb Ninislav Aleksic.

Valletta jerġgħu jilgħabu aktar tard illum fil-5:30pm, kontra l-Irlandiżi ta’ Futsamba Naas. L-aħħar logħba minn dan il-grupp tkun nhar is-Sibt li ġej kontra t-tim ospitant ta’ Veles tal-Maċedonja, fit-8:00pm.