Valletta b’gowl kmieni minn taħt imma baqgħu sodi sal-aħħar

Gilbert Agius kellu debutt iebes imma inkuraġġanti, meta Valletta qalgħu gowl kmieni mingħand FK Qarabag, fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni għaċ-Champions League.
Iċ-ċampins tal-Ażerbajġan fetħu l-iskor fis-17-il minuta, minn frikik dirett ta’ Cicero da Silva Marinaldo “Chumbinho”.
Dan il-gowl ma naqas xejn mill-wirja mill-aqwa li ta l-gowlkiper Nicky Vella matul il-logħba kollha.
Dan il-gowlkiper flimkien ma’ Ryan Camilleri u Hugo Faria kien qed jiddebutta mat-tim tal-Kapitali.
Ftit minuti wara l-gowl, l-FK Qarabag kellhom cans ta’ Reynaldo li ġie blukkat minn Jonathan Caruana.
Lejn in-nofs siegħa logħob, Ansi Agolli laqat il-lasta minn xutt minn barra ‘l kaxxa.
Fis-37 minuta, kontrattakk tal-Beltin b’Fenech li ta lil Briffa u dan tal-aħħar ra l-ballun li għadda għoli.
Sitt minuti mit-tmiem tal-logħba, il-Beltin ġew bi plejer inqas meta tkeċċa Ryan Camilleri għall-daħla minn wara fil-kaxxa.
Kien hawn li Nicky Vella laqa’ ferm tajjeb il-penalti mogħti minn Richard.
L-aħħar azzjoni reġgħet rat lil Nicky Vella, li din id-darba ħareġ tajjeb fuq Reynaldo.
Valletta issa jridu rebħa akkost ta’ kollox meta jmorru jilagħbu f’Baku fl-Ażerbajġan.