Valletta 2018 u l-Kunsill tal-Belt jibqgħu ma jarawx għajn m’għajn

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-Fondazzjoni Valletta 2018 baqgħu ma waslux għal kompromess, liema sitwazzjoni wasslet lis-Sindku, Alexiei Dingli, sabiex jibgħat ittra liċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Jason Micallef.
Fl-ittra mqanqla minn diżappunti kbar fit-tmexxija tal-Fondazzjoni Dingli ddistanza ruħu mill-Fondazzjoni filwaqt li spjega li l-Kunsill qed jibqa’ jiġi eskluż mill-maġġornaza tal-attvitajiet organizzati.
Hawn taħt, Newsbook.com.mt qed jippubblika l-ittra mibgħuta minn Dingli liċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Fl-ittra Dingli spjega li t-titlu ta’ Valletta 2018 ingħata lill-Belt Valletta u għal din ir-raġuni prinċipali, il-Kunsill Lokali għandu jkun rappreżentat fl-attivitajiet organizzati mill-fondazzjoni.
Sostna li dan huwa rispett bażiku u prinċipali li qed jitlob mhux għalih innifsu, iżda għall-Belt Valletta.
Fl-ittra, Dingli allega kif persuni għarrfuh li f’ċertu każijiet, xi entitajiet li rċevew invit għal xi attività intalbu biex ma jistiednux lill-Kunsill Lokali.
Irrimarka kif Jason Micallef ipprova jitfa’ dell ikraħ kemm fuq Dingli kif ukoll fuq id-Deputat Sindku tal-Belt, Chris Micallef, meta sostna li l-kritika tagħhom kienet immotivata mill-politika li jħaddnu. Għaldaqstant sostna li l-Belt Valletta għalihom tiġi qabel kull tħaddin politiku.
Dingli qal lil Micallef li kull kumment li jgħaddi hu, speċjalment dawk li għalihom kien qed jirċievi kritiki ħorox, jirriflettu b’mod negattiv fuq il-Fondazzjoni. Sostna li ladarba huwa r-rappreżentant tal-fondazzjoni, ma jistax jgħaddi kummenti dispreġġjattivi tat-tip, minkejja li huma dawk personali.
Fi tmiem l-ittra, huwa stqarr li hija tal-mistħija li l-Fondazzjoni ma’ ħaditx id-deċiżjoni li turi d-dokumentarju dwar il-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Dan fid-dawl li d-dokumentarju intwera f’Leeuwarden li ġiet magħżula bħala Belt Kapitali għall-Kultura għall-2018.