​Valletta 2018 tniedi l-proġett ‘Valletta Design Cluster’

Fil-Belt Valletta tnieda proġett ġdid li minbarra rijabilitazzjoni ta’ binja u l-inħawi tal-madwar se jfisser ukoll opportunità ġdida fit-tul għal karrieri fil-qasam tad-disinn.
Bl-isem ta’ “Valletta Design Cluster”, il-binja magħrufa bħala l-Biċċerija l-Antika, li tinsab wara l-Berġa tal-Baviera, se tingħata nifs ġdid.
Se tiġi imnaddfa, restawrata u rijabilitata, bl-ewwel xogħlijiet jibdew minn dan is-sajf. Imbagħad se tinbidel fi spazju għall-individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur tad-disinn bil-għan li dan l-aspett tal-ekonomija kreattiva jingħata iktar għajnuna.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u mill-Professur Richard England, intqal li l-qasam tad-disinn bħalissa f’Malta jimpjega mal-1,200 ruħ f’600 intrapriża.
B’dan il-proġett, se tingħata għajnuna lil kumpaniji ġodda tad-disinn, anke fl-isfond ta’ opportunitajiet ta’ innovazzjoni u esportazzjoni biex jiżdiedu l-impjiegi għall-artisti, disinjaturi u professjonijiet oħra kreattivi speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Il-proġett se joffri spazju għal nies kreattivi biex jiltaqgħu fuq bażi regolari u b’hekk jgħin biex jiġu stimulati ideat ġodda għal opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri kreattivi.
Il-Valletta Design Cluster se jkollu wkoll faċilitajiet ta’ residenzi għall-artisti u esperti fl-industrija tad-disinn, bil-għan li jinfetħu opportunitajiet internazzjonali.
Jason Micallef spjega kif dan il-proġett hu wieħed mill-inizjattivi prinċipali ta’ Valletta 2018 biex tħalli legat fit-tul wara li tkun għaddiet is-sena 2018.
Il-Ministru Owen Bonnici semma kif il-Valletta Design Cluster jindirizza prijoritajiet tal-fondi Strutturali Ewropej biex jinħolqu inkubaturi għall-industriji kreattivi.