Valletta 2018 tniedi fond għall-mobilità tal-artisti

L-ewwel sejħa fetħet fl-1 ta’ Jannar 2015 u hi parti minn serje ta’ sejħiet offruti sal-2018. Dan il-fond jagħti priorità lill-artisti bbażati Malta u li qed jiżviluppaw proġetti internazzjonali f’Malta, kif ukoll artisti li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta. 
Għalhekk is-sejħa tibni fuq l-oġġettivi tal-professjonalizzazzjoni tal-artisti u l-promozzjoni tad-dimenzjoni Ewropea li tħaddan il-Fondazzjoni Valletta 2018.
Fil-kuntest tat-titlu tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, meta il-Belt se tkun fiżikament u kulturalment salib it-toroq u post ta’ laqgħat fiċ-ċentru tal-Mediterran, il-fond se jtejjeb il-mobilità, il-kommunikazzjoni, l-kollaborazzjoni u l-bdil ta’ ideat bejn kulturi diversi. 
Fl-istess waqt, se jkun qed jikontribwixxi wkoll lejn il-parteċipazzjoni lokali u tal-kommunità fil-kuntest wiesgħa taż-żona Għarbija-Ewropea.
Għalhekk l-applikazzjonijiet għall-fond tal-mobilità għandhom jindirizzaw direttament waħda mill-erba’ temi tal-Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura Valletta 2018: Ġenerazzjonijiet, Gżejjer, Rotot u Bliet.
Il-proġetti ta’ kollaborazzjoni li jirriżultaw minn dan il-fond għandhom iseħħu f’Malta jew ikollhom rabta ma’ Malta u t-titlu ta’ Valletta Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018. 
Din l-inizjattiva se twassal għal serje ta’ sejħiet għall-fondi relatati mal-ivjaġġar bejn l-2015 u l-2018.
Din is-sejħa tinfetaħ erba’ darbiet fis-sena u l-applikazzjonijiet jiġu evalwati kull tliet xhur.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.