Valletta 2018 tħabbar numru ta’ proġetti kapitali sal-2018

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tat dettalji dwar proġetti kapitali li qed taħdem fuqhom fosthom ir-riġenerazzjoni u konservazzjoni tas-Suq l-Antik tal-Belt u l-Biċċerija, li se tiġi stabbilita bħala l-Valletta Design Cluster.
Fid-diskors tiegħu waqt konferenza li matula ġie ppreżentat rapport tal-2014 u ġew diskussi proġetti għall-ġejjieni, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef ħabbar li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ ideat u proposti għar-riġenerazzjoni tas-Suq l-Antik tal-Belt qiegħed fi stadju avvanzat.
Dan se jkun proġett bejn il-Gvern u l-privat u se jara riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jibda aktar tard din is-sena u jitlesta f’nofs l-2017. Huwa stmat li l-investiment se jkun ta’ madwar €8 miljuni u meta jitlesta se jkun qed joħloq madwar 140 impjieg ġdid.
Tħabbret ukoll li l-ewwel fażi tax-xogħol fuq Strada Stretta li mistennija titlesta kmieni fis-sajf u tikkonsisti f’titjieb tal-infrastruttura u s-servizzi.
Filwaqt li hemm numru ta’ ħwienet żgħar li għadhom joperaw fis-Suq u fetħu numru ta’ stabbilimenti fi Strada Stretta, hemm lok għal żvilupp.
Min-naħa l-oħra, il-Biċċerija ma tantx tissemma’ imma ukoll għandha tingħata l-attenzjoni.
Jason Micallef semma ukoll li Valletta 2018 flimkien mal-MTA se tiftaħ l-ewwel uffiċċju tagħha fit-Tokk ir-Rabat Għawdex u se jkun qed jitmexxa minn Kordinatur Reġjonali għal Għawdex.
Flimkien ma’ Sean Buhagiar, l-Operatur Kulturali u d-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Mario Philip Azzopardi li huwa id-Direttur Artistiku ta’ Valletta 2018, se jkun qed jidderiġi avvenimenti fit-toroq tal-Belt Valletta, fiż-żona tal-Port il-Kbir u l-madwar.
Min-naħa tiegtħu, id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Karsten Xuereb semma kif terz tas-64 proġett li hemm fil-Bid Book qed isiru jew qegħdin fi stadju ta’ ppjanar.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tiżviluppa ukoll programm b’saħħtu ta’ riċerka. Is-sensiela ta’ konferenzi annwali li tnediet is-sena li għaddiet, se tkompli bi preparazzjoni lejn l-2018.
Il-konferenza ta’ din is-sena se tesplora l-mappa kulturali fl-Ewropa u fil-Mediterran u se tibni fuq il-proġett ta’ mappa kulturali li permezz tiegħu qed tiġi ġġenerata informazzjoni dwar l-użu ta’ spazji pubbliċi f’Malta u Għawdex għall-attivitajiet kulturali.
Dan il-proġett qiegħed fi stadju avvanzat u websajt b’informazzjoni ġeografika fuq l-ibliet u l-irħula kollha se titnieda f’April.