Valletta 2018 tasal fil-Greċja

Malta u l-Greċja ssieħbu f’attività fil-Pjazza Kotzias f’Ateni sabiex issir it-tnedija ta’ Valletta 2018 fil-kapitali Griega.
Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Valletta 2018 intqal li t-tnedija laħqet il-qofol tagħha b’kunċert kollaborattiv bejn is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Karmnu tal-Balluta u baned lokali Griegi, li għalih kien hemm preżenti l-Ministru Griega għall-Kultura u Sports Lydia Koniordu u s-Sindku ta’ Ateni Girgios Kaminis.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li wieħed irid juża l-opportunitajiet preżenti sabiex jiżgura li l-Kapitali Ewropea tal-Kultura “ma tibqax sempliċiment kunċett Ewropew iżda ssir kisba iktar wiesgħa minħabba l-fatt li qed ngħixu f’villaġġ globali”.
Fl-istqarrija ntqal ukoll li saru diskussjonijiet bilaterali bejn id-delegazzjoni Maltija, il-Ministeru Grieg għall-Kultura u Sports u l-Kunsill Lokali ta’ Ateni dwar ir-relazzjoni bejn Malta u l-Greċja u Elefsina 2021 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura Griega, fost l-oħrajn.
Ritratt: MJCL_PS