Valletta 18 ippremjata €1.5 miljun

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura Valletta 2018 ingħatat €1.5 miljun.
Dan hekk kif Valletta 2018 ingħatat il-premju Melina Mercouri għad-dimensjoni Ewropea b’saħħitha li għandha kif ukoll għall-involviment taċ-ċittadini speċjalment permezz tal-programmi edukattivi u proġetti infrastrutturali.
Dan il-premju ingħata wara t-tieni laqgħa ta’ monitoraġġ li saret fi Brussell fis-7 ta’ Marzu li għadda bejn Valletta 2018 u l-Bord Konsultattiv u ta’ Monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea.
Skont ir-rapport tal-Bord, il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 huwa b’saħħtu ħafna hekk kif aktar minn 250 artist, fosthom, mill-Eġittu, l-Iżrael u għadd ta’ pajjiżi Ewropej, jikkontribwixxu attivament.
Sadanittant, bħalissa qed jiġi diskuss il-wirt tal-Fondazzjoni hekk kif nibtet l-idea li tinħoloq Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta biex timbotta ‘l quddiem il-programm kulturali bl-għan li jibqa’ fis-seħħ anki wara l-2018.