Vaċċin għall-pajjiżi kollha hu prijorità għall-Presidenza Ewropea tal-Portugall

REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Il-provvista ta’ vaċċin għal kontra l-coronavirus għall-pajjiżi Ewropej kollha se tkun prijorità ewlenija għall-Portugall malli jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea minn Jannar li ġej, sostna l-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa.

“Irridu niggarantixxu li jkollna vaċċin disponibbli li huwa effettiv li jwaqqaf il-COVID-19 u li jippermettilna nwassluh fl-istess ġurnata fil-pajjiżi Ewropej kollha,” spjega Costa waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Fl-interventi tagħhom, li saru wara laqgħa li fiha ġiet diskussa l-Presidenza tal-UE li jmiss, kemm Costa kif ukoll Michel irrimarkaw l-importanza li tissolva malajr it-tilwima mal-Ungerija u l-Polonja dwar il-kundizzjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt li l-Unjoni trid torbot mal-għoti tal-fondi Ewropej.

“Ma jeżisti ebda Pjan B biex jiġi approvat il-baġit u l-fond ta’ rkupru fil-Kunsill li jmiss tal-10 u l-11 ta’ Diċembru. Għedt lil Charles Michel li lest nibqa’ hawn għal ftit aktar ġranet jekk hemm bżonn”, qal Costa. 

L-Ungerija u l-Polonja qalu li l-UE ma tistax torbot kundizzjonijiet bħal dawn mal-fondi sakemm ma tbiddilx it-trattat oriġinali tagħha, u b’hekk baqgħu jopponu l-baġit u l-fond ta’ rkupru mill-coronavirus.

L-Unjoni Ewropea qed tinvestiga lill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi fuq allegazzjonijiet li huma mminaw l-indipendenza tal-ġudikatura u l-media u fittxet li torbot kundizzjonijiet dwar dan qabel ma tgħaddi l-flus tal-UE.

“Ninsabu impenjati biex nappoġġjaw lill-Presidenza Ġermaniża biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet fil-jiem li ġejjin”, ikkonkluda Michel.