Vaċċin fi ftit ġimgħat – Trump

A researcher at the University of Pittsburgh works on a COVID-19 vaccine candidate, a fingertip-sized patch with dissolvable microscopic needles, in Pittsburgh, Pennsylvania, U.S., March 28, 2020. UPMC/Handout via REUTERS

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-vaċċin kontra l-coronavirus jista’ jkun disponibbli sa tlieta jew erba’ ġimgħat oħra, minkejja li numru ta’ uffiċjali tas-saħħa pubblika tal-Istati Uniti wissew kontra li dan il-proċess jitħaffef iżżejjed.

Trump, li kien qed jitkellem waqt avveniment organizzat minn ABC News f’Philadelphia, iddefenda l-mod ta’ kif pajjiżu laqa’ għas-sitwazzjoni tal-coronavirus, u qal li l-vaċċin jista’ jkun lest għad-distribuzjoni qabel l-elezzjoni Presidenzjali tat-3 ta’ Novembru.

“Ninsabu qrib ħafna li jkollna l-vaċċin”, qal Trump. “Jekk tridu tkunu tafu l-verità, l-amministrazzjoni ta’ qabel aktarx li kienet iddum snin biex ikollha l-vaċċin minħabba l-FDA u l-approvazzjonijiet kollha li kien hemm bżonn. Ninsabu ftit ġimgħat ‘il bogħod, jista’ jkun tlieta, erba’ ġimgħat”.