Użu tal-art ODZ: L-AD tibgħat il-proposti lill-MEPA

Bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar l-użu tal-art barra miz-zona tal-iżvilupp (ODZ) kif ukoll dik dwar l-agrikultura, l-Alternattiva Demokratika bgħatet il-proposti tagħha lill-MEPA.

L-AD sostniet li materji ambjentali għandhom ikunu parti integrali mill-politika dwar l-użu tal-art barra z-zona tal-iżvilupp. Fis-sottomissjonijiet tagħha l-AD qalet li l-MEPA għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-biodiversita kif ukoll għal dawk l-attivitajiet li jikkontaminaw l-ilma tal-pjan.

Carmel Cacopardo, żied jispjega li AD tikkonsidra li t-tniġġis permezz tad-dawl u l-ħoss barra miż-żona tal-iżvilupp u f’żoni agrikoli għandhom ikunu regolati ukoll.  Qal ukoll li l-agro-turiżmu għandu jkun limitat għall-użu ta’ bini agrikolu eżistenti, liema bini jkun inbena bil-permessi meħtiega.

Arnold Cassola, Chairperson ta’ AD, ikkonkluda billi qal li filwaqt li hu raġjonevoli illi l-politika dwar l-użu tal-art tkun aġġornata perjodikament, Alternattiva Demokratika tittama li tali reviżjoni ma tintużax biex tiġġustifika żvilupp barra miż-żoni ta’ żvilupp, kif ġara repetutament tul is-snin.