Użu ta’ maskri: Spezzjonijiet għall-għarrieda fuq il-Gozo Channel

Read in English.

Mil-lum il-Pulizija bdiet ħidma ta’ infurzar fit-terminals u fuq il-vapuri tal-Gozo Channel biex jiġi aċċertat li l-passiġġieri jilbsu l-maskra jew visor.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina kien għamel appell fuq Newsbook.com.mt, biex jibda jkun hemm uffiċjali tal-infurzar tal-liġi minħabba li għadd ta’ persuni ma kinux qed jilbsu l-maskri. Dan minkejja li l-kumpanija ta’ sikwit kienet toħroġ avviżi pubbliċi kif ukoll twaħħlu għadd ta’ tabelli kemm fit-terminals kif ukoll fuq il-vapuri.

Permezz ta’ Avviż Legali li daħal fis-seħħ illum, il-Pulizija għandha d-dmir li tara li l-liġi tiġi osservata filwaqt li tagħti multi ta’ €100 lil kull min jinqabad mingħajr maskra jew visor. Dalgħodu sar magħruf kif l-Avviż Legali jindika li persuni li jinqabdu mingħajr maskra jew visor jistgħu jħallsu €50 biss jekk jammettu u jħallsu l-multa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja.

Ħaddiema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qed tkun diffiċli biex iżommu l-infurzar tal-użu tal-maskri fl-istess waqt li jkomplu bix-xogħol regolari tagħhom. Dan hekk kif minkejja li l-użu tal-maskri abbord l-erba’ vapuri huwa obbligatorju, uħud xorta jinjoraw dan l-avviż.

Newsbook.com.mt żvela kif id-diżinfettar tal-vapuri qed issir darba fil-ġimgħa, kuntrarju għal kif kien isir fil-bidu tal-pandemija fejn il-vapuri kienu jiġu diżinfettati kuljum tard bil-lejl bejn ġurnata u oħra.