Użati aktar minn 80% tal-vawċers tal-Gvern

MEIB

Read in English.

Sal-14 ta’ Ottubru ntużaw 81.2% tal-vawċers tal-Gvern ta’ €100 b’injezzjoni ekonomika ta’ €52.6miljun. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri waqt business breakfast bit-tema ‘L-użu ta’ vawċers biex jirriġeneraw l-ekonomija’

Il-Ministru Schembri spjega li sa issa ssarfu 1.48 miljun vawċers ħomor (81.4%), li jistgħu jissarrfu f’lukandi, f’ristoranti u f’akkomodazzjoni, filwaqt li 0.34 miljun vawċers blu (18.6%) ġew użati fi ħwienet u servizzi.

Il-Ministru Spjega li l-injezzjoni ekonomika permezz tal-użu biss tal-vawċers hija ta’ €36.4 miljun filwaqt li l-infiq totali lil hinn mill-vawċers huwa ta’ €16.2 miljun, li jammonta għal injezzjoni totali ta’ €52.6 miljun. Huwa mistenni li sal-aħħar t’Ottubru l-ekonomija se tkun rat injezzjoni ta’ €65 miljun.

Il-Ministru Schembru qal li l-baġit li jmiss se jkun mibni fuq aspett differenti sabiex jilħaq firxa usa’ ta’ setturi. Waqt il-business breakfast, ġie ppreżentat stħarriġ dwar l-impatt tal-iskema tal-vawċers tal-gvern ta’ €100 li kien ippreżentat mill-Istatistika Vincent Marmara. Dan l-istħarriġ sar abbażi tat-tliet kriterji ewlenin; l-età, l-istatus u r-reġjun, l-istħarriġ wera li 85% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-inizjattiva tal-vawċers għenet kemm fuq livell personali kif ukoll bħala kontributur għall-ekonomija.

F’dan l-istħarriġ, 96% ta’ dawk li wieġbu esprimew interess fil-ħruġ mill-ġdid tal-inizjattiva tal-vawċers matul ix-xhur tax-xitwa. Il-partiċipanti fl-istħarriġ ġew mistoqsija f’liema perjodu jixtiequ li jinħarġu l-vawċers, 54% ta’ dawk li wieġbu qalu li idealment jinħarġu matul il-perjodu tal-Milied.