Użalu l-credit cards wara li qatlu – Il-Pulizija dwar id-delitt f’Santa Luċija

qtil Santa Luċija Victor McKeon
CMRU

Ir-raġel li qed jitressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Victor McKeon f’Santa Luċija f’Marzu li għadda, qed jiġi akkużat li għamel użu mill-karti ta’ kreditu tal-vittma wara li qatlu. Propju llum, bdiet tinstema x-xhieda tal-Pulizija dwar il-Libjan ta’ 38 sena.

Fil-Qorti, is-Supretendent Keith Arnaud qal kif skont data mill-mobile tas-suspettat poġġieħ fil-post fejn inqatel McKeon f’Marzu li għadda. Kien spjegat ukoll li għal ċertu ħin, il-mobile tal-vittma u dak tal-aggressur kienu qed jagħmlu l-istess movimenti wara l-qtil, xi ħaġa li bħal qisha ssuġġeriet li kienu qed jinġarru flimkien.

Intant, kien spjegat kif kull darba li kienet tintuża l-credit card tal-vittma mill-akkużat, kien jintbagħat SMS mill-bank. L-SMS kien kull darba jaċċessa l-informazzjoni ta’ fejn kien jinsab il-mobile. Intant, kemm kameras tal-ATM, kif ukoll tas-CCTV kienu juru lill-akkużat fiż-żoni fil-ħin meta ntużaw il-karti ta’ kreditu.

Victor McKeon ta’ 62 sena, instab maqtul f’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Lucija fis-17 ta’ Marzu, 2020. Il-kadavru tiegħu nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, imgeżwer f’boroż suwed u mdawwar bit-tape mitluq għal tulu fl-art fil-kamra tal-banju. Il-pulizija kienu ġew infurmati dakinhar wara suspett li s-Sur McKeon seta’ ġralu xi ħaġa peress li kien ilu ma jidher madwar ġimgħa. Mill-awtopsja li saret irriżulta li fuq il-kadavru instabu daqqiet fuq rasu, waqt li kien hemm ukoll sinjali ta’ soffokazzjoni.

Fil-Qorti kien spjegat li dokument twil 15-il paġna juri l-movimenti kollha tal-akkużat, inkuż ritratti tiegħu minn diversi sorsi. Fil-Qorti kienu esebiti wkoll passaport imqatta u kartiera vojta li jappartjenu għall-akkużat.

Hu kien ħarab mill-pajjiż, lejn il-Marokk fis-16 ta’ Marzu. Minħabba problemi relatati mal-immigrazzjoni, hu ntbagħat lura Malta.

Arnaud tkellem dwar l-interrogazzjoni li saret lill-akkużat mill-pulizija. Hu kien qal li ġieli kien jorqod fl-appartamet ta’ McKeon. Qal li kien ilu ma jersaq ‘l hemm xi xahrejn wara li kien mhedded minn ħu McKeon. Hu qal li l-vittma kien tah il-mobile tiegħu biex iċempillu fuqu. Kompla wkoll billi akkuża lill-pulizija li użaw photoshop biex inkludew il-figura tiegħu mir-ritratti tal-filmati tas-CCTV u li ffabbrikaw il-bqija tal-evidenza.

Minkejja li saħansitra nstabu l-marki tas-swaba tal-akkużat fuq il-boroż taż-żibel li kien instab imgeżwer fihom il-vittma, l-akkużat baqa’ jiċħad kollox.

Il-każ se jkompli jinstema mill-Maġistrat Joe Mifsud fit-23 ta’ Diċembru.