Użajt il-karta tal-kreditu jew tad-debitu tal-BOV f’Mejju?

Puttinu Cares u l-Fondazzjoni Service Dogs (Malta) huwa ż-żewġ NGOs li bbenefikaw mit-tieni edizzjoni tal-kampanja BOV Flimkien għall-Karità.
Matul Mejju, il-Bank kien qed jagħmel donazzjoni b’mod awtomatiku f’isem kull min uża l-kard tal-kreditu jew tad-debit tal-BOV biex jagħmel pagamenti.
Apparti minn hekk, l-impjegati tal-BOV ġabru bejniethom €5,000 oħra għal dawn iż-żewġ għaqdiet. Dawn inġabru matul Dress Down li ġiet organizzata madwar il-Bank kollu nhar id-19 ta’ Mejju.
Id-donazzjoni ġiet ippreżentata mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Mario Mallia, lill-Victor Calvagna, President ta’ Puttinu Cares u lil Joseph Stafrace, Viċi President tal-Fondazzjoni Service Dogs (Malta).
Preżenti għall-avveniment kien hemm is-Sur Ivo Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Electronic Banking u s-Sur Charles Azzopardi, Kap tal-PR u l-Marketing.
Calvagna qal s-sena l-oħra n-numru ta’ pazjenti li kienu jeħtieġu trattament fir-Renju Unit kien ta’ 823, kważi d-doppju tal-ammont li kien irreġistrat fl-2010. Puttinu Cares diġà għandu 19-il appartament u jikri sitta oħra f’Sutton fir-Renju Unit biex joffri l-akkomodazzjoni, primarjament lill-pazjenti li qed jirċievu t-trattament fl-Isptar Royal Marsden.
Min-naħa tiegħu Joseph Stafrace spjega kif ġie ppruvat li l-klieb ta’ servizz jistgħu jgħinu biex itejbu l-ħajja ta’ ħafna persuni fosthom dawk neqsin mis-smigħ, nies li bl-awtiżmu u oħrajn li jbatu b’kundizzjonijiet bħad-dijabete u l-attakki ta’ puplesija. 
Il-Kap Eżekkutiv tal-BOV esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għar-rispons tal-klijenti tiegħu għal din il-kampanja li fi kliemu, permezz tagħha,  il-BOV qed iżewweġ l-għanijiet kummerċjali mar-responsabbiltà korporattiva tiegħu.