“Uża wipes diżinfettanti meta tipprova żarbun bla kalzetti”

L-Assoċjazzjoni tal-Podjatriċi Maltin saħqet li meta wieħed jipprova żarbun mingħajr kalzetti għandu jimsaħ saqajh b’wipes diżinfettanti. Huma appellaw lill-ħwienet taż-żraben biex jinvestu f’dawn it-tip ta’ wipes biex jitnaqqas ir-riskju li jinfirxu l-infezzjonijiet.

Fl-aħħar ġimgħat f’Wales, tifla kienet qed tilgħab mal-ħajja wara li laqqtet infezzjoni serja meta libset żarbun bla kalzetti. Newsbook.com.mt tkellem mal-Assoċjazzjoni tal-Podjatriċi Maltin dwar dan il-każ, li spjegat kif dan il-każ hu rari, u li minn kif jidher mir-ritratti, diġà kellha ferita f’saqajha u laqqtet virus komuni ħafna – il-Human Papilloma Virus.

Dan il-virus, spjegat l-assoċjazzjoni, jittieħed ħafna minn showers u pixxini miftuħin għall-pubbliku, iżda li jista’ jittieħed ukoll minn żarbun infettat.

L-Assoċjazzjoni spjegat li s-sepsis hija kumplikazzjoni li tinħoloq wara infezzjoni, meta kimiċi jiġu rilaxxati fid-demm sabiex jiġġieldu kontra l-infezzjoni. Dawn il-kimiċi jikkawżaw reazzjonijiet infjammatorji madwar il-ġisem. Jekk ma tiġix trattata mill-aktar fis possibli, din l-infjammazzjoni tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet li jistgħu jagħmlu ħsara f’diversi organi tal-ġisem.

Is-sepsis, kompliet tgħid l-Assoċċjazzjoni, għandha stadji differenti, u fl-agħar stadju tagħha tista’ twassal għall-septic shock li jista’ saħansitra jikkawża mewt. L-Assoċjazzjoni stqarret li s-sepsis tista’ taqbad lil kulħadd, b’mod speċjali nies li għandhom immunità fiżjoloġika baxxa ħafna u persuni kbar ħafna fl-età.

L-istess assoċjazzjoni appellat lill-pubbliku biex jirrikorri għand podjatra meta jara jew iħoss xi ħaġa mhux tas-soltu f’saqajh.

Għal aktar tagħrif dwar il-kura tas-saqajn idħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Assoċjazzjoni, Association of Podiatrists of Malta – APM.

It-8 ta’ Ottubru huwa l-Jum Internazzjonali tal-Podjatrija.