Uża taser waqt li pprova jisraq mara; jinħeles

Il-Qorti tal-Appell għadha kemm ħelset bi probation raġel li nstab ħati li uża’ taser fuq mara li kienet preżenti waqt hold-up 11-il sena ilu.

Carmel Zammit kien instab ħati li fl-2008 uża taser fuq mara li kienet għadha kemm ġibdet flus minn ATM f’San Ġwann. Il-mara kienet ippruvat taħrab, iżda Zammit laħaqha, ħadilha l-basket minn fuq is-seat tal-karozza tagħha u ħarab b’kollox. Hi kienet segwietu u laħqitu viċin l-Isptar Mater Dei. Hu reġa’ pprova jattakaha bit-taser, iżda l-mara rnexxielha tikkonvinċih jagħtiha lura l-karti tal-kreditu, il-liċenzja tal-karozza u xi ftit flus. Hu mbagħad ħarab minn fuq il-post b’madwar €150.

Aktar tard, Zammit kien intbagħat tliet snin ħabs. Hu kien intalab iservi s-sentenza tiegħu fl-Isptar Monte Karmeli minħabba problemi fis-saħħa. Hu kien appella s-sentenza fejn sosnta li kellu diżabilitajiet f’idejh u f’saqajh li kienu jagħmluha impossibbli għalih li jimmira arma.

Fil-Qorti, l-Imħallef Edwina Grima qalet li l-evidenza kienet turi b’mod ċar il-ħtija tar-raġel. Madanakollu, matul iż-żmien hu għamel progress kbir u għeleb il-vizzju tad-droga. Hu kien ilu ma jwettaq kriminalità mill-2011.

Il-Qorti ddeċidiet li tnaqqas is-sentenza ta’ tliet snin ħabs tar-raġel għal tliet snin ħabs sospiżi. Hu ġie ordnat jibqa’ jirċievi t-trattament neċessarju. Hu neħles ukoll mill-ħtija li żamm il-vittma kontra r-rieda tagħha.