“Uża l-baċir numru wieħed biex testendi l-Higher Secondary” – PD lill-Gvern

Il-Partit Demokratiku (PD) jipproponi li l-Gvern ixolji l-kuntratt tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) u juża l-baċir numru wieħed bħala estensjoni għal Higher Secondary hekk kif l-iskola fin-Naxxar ma fadlilhiex spazju għal ħafna iktar studenti.
Fi stqarrija, il-PD qal kif l-istudenti li ġejjin min-naħa t’isfel ta’ Malta qed isibuha dejjem iktar diffiċli biex jaslu n-Naxxar fil-ħin minħabba t-traffiku qawwi li jkun hemm mill-Marsa lejn iċ-ċentru. 
Il-partit jisħaq li din il-problema qed twassal biex bosta studenti jitilfu lezzjonijiet importanti jew saħansitra jieqfu milli jistudjaw. B’hekk jemmnu li din il-binja tkun ta’ benefiċċju ikbar għal Malta jekk tintuża biex issolvi l-problema tal-Higher Secondary milli biex takkomoda l-AUM, li skonthom lanqas kienet kapaċi timla garaxx bin-numru ta’ studenti li għandha.
Din ir-reazzjoni ġiet wara li l-NGO Flimkien Għal Ambjent Aħjar żvelat li l-istess Università allegatament applikat għall-estensjoni tal-kampus, fejn qed titlob biex tibni tliet sulari fuq l-eksgħassa tal-Pulizija fil-qalba tal-bini tal-baċir fil-Bormla.
Il-PD ta s-sapport tiegħu lill-NGO fejn saħaq li aktar żvilluppi fuq dawn l-akwati se joħolqu bidla irriversabbli fuq ix-xenarju ta’ Bormla u jistaqsi għalfejn hemm dan il-bżonn.
Fl-istqarrija, il-PD reġa' appella lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Terzjarja (NCFHE) biex tirrevoka l-liċenzja mogħtija lil AUM għax jemmen li l-Università mhux se tkun kapaċi twassal il-korsijiet li kkommettiet għalihom bilwisq inqas tkabbar l-ekonomija tal-pajjiż b’€85 miljun.
Minkejja li jammettu li l-kunċett li jiżdied il-pluraliżmu fl-edukazzjoni terzjarja Maltija hija waħda tajba, isostnu li Malta għandha bżonn li tieħu ħsieb ir-reputazzjoni tagħha qabel ma tkompli tfittex modi ta’ kif tkabbar l-ekonomija. 
Għaldaqstant, il-PD appella lill-Gvern Malti sabiex jirrevedi l-pjanijiet li għandu għas-settur tal-edukazzjoni għax jemmen li dak li wiegħed fil-manifest elettorali mhux qiegħed iseħħ.