Utah l-ewwel stat Amerikan li jqis il-pornografija “riskju għas-saħħa pubblika”

L-istat Amerikan tal-Utah hu l-ewwel wieħed li ddikjara l-pornografija bħala riskju għas-saħħa pubblika.
Skont il-Gvernatur tal-Istat, id-deċiżjoni hi “biex jitħarsu l-familji u ż-żgħażagħ”.
Liġi ġdida li għadda l-istat tiddefinixxi l-pornografija bħala fattur “li jippreserva l-ambjent sesswali velenuż fis-soċjetà” u qed “tikkontribwixxi biex tiżdied b’mod qawwi s-sesswalità f’żgħażagħ żgħar u saħanistra tfal”.
Il-liġi tgħid ukoll li jridu jittieħdu iktar inizjattivi biex jinbidlu “l-edukazzjoni, il-prevenzjoni, ir-riċerka u l-politika fil-livell tal-komunità u tas-soċjetà” kontra dik li ġiet deskritta bħala epidemija.
Studju tal-2009 minn Harvard Business School kien identifika lill-istat tal-Utah mal-ogħla persentaġġ ta’ abbonamenti onlajn għall-pornografija fl-Istati Uniti.