Uragan Florence: Twissijiet lill-Maltin fl-Amerika

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin talab lill-Maltin li joqgħodu fil-kosta tax-xlokk tal-Istati Uniti biex jimxu mal-istruzzjonijiet li jingħataw mill-awtoritajiet Amerikani u jekk hemm bżonn, jevitaw iż-żona, minħabba l-Uragan Florence. L-Ambaxxata Maltija wissiet biex ivvjaġġar lejn din il-kosta jkun limitat kemm jista’ jkun sa ma jgħaddi l-istaġun tal-uragani.

L-istati li hu maħsub li se jintlaqtu mill-uragan huma South Carolina, North Carolina, Virġinja, u possibilment Ġeorġia. Apparti mill-Uragan Florence, jidher li l-maltempati Helene u Isaac telgħu għall-kategorija t’ uragan.  Minkejja li r-rotta li se jieħdu dawn l-uragani għadha mhux magħrufa, jidher li hemm riskju kbir li dawn se jolqtu il-Kosta tal-Lvant tal-Istati Uniti u l-Karibew.

In-numru tal-emerġenza tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington DC fl-Istati Uniti hi 001 202 716 3617. Familjari ta’ Maltin jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fuq in-numru 00356 21 242 191.