Urugan fi Florida jħalli 27 mejta u mijiet nieqsa

Reuters

Saru ħidmiet ta’ salvataġġ fi Florida nhar it-Tlieta sabiex jinstabu l-mijiet rappurtati nieqsa wara kważi ġimgħa li ħakem iż-żona l-Urugan Michael, u qatel 27 persuna.

Matthew Marchetti, wieħed mill-fundaturi ta’ organizzazzjoni ta’ salvataġġ, qal li qed jistenna li n-numru ta’ nies mejta jiżdied bil-kbir. Huwa qal li għal kull persuna li rnexxielhom jikkuntattjaw, issa li s-servizz tal-mowbajl reġa’ qed jaħdem, hemm 3 li ma rnexxilhomx jaqbdu.

It-timijiet tal-organizzazzjoni volontarja kienu qed ifittxu lil aktar minn 1,135 persuna fi Florida li tilfet il-kuntatt minn ma’ familtha u ħbiebha. Minkejja dan, l-uffiċjali fi Florida għadhom ma ħabbrux kemm-il persuna eżatt hija nieqsa.

Dawk mejta jikkonsistu fi 17-il persuna fi Florida, persuna f’Georgia, 3 f’North Carolina u 6 f’Virginia, skont il-kumpanija tal-aħbarijiet internazzjonali Reuters. Għadu mhux ikkonfermat jekk 4 mewtiet oħra fi Florida humiex kawża tal-urugan.

L-Urugan Michael ħakem Florida nhar l-Erbgħa li għadda bi rjiħat qawwija 250 kilometru fis-siegħa, li qajmu mewġ kbir li farrak id-djar.