Uru rispett lejn il-vittmi tad-droga – psikologu

DOI - Jason Borg

Il-psikologu Matthew Berry, saħaq li s-soċjetà trid tkun iktar inklużiva ta’ dawk li jaqgħu għad-droga, u turihom aktar rispett. Huwa kien wieħed mill-kelliema fil-Konferenza Nazzjonali tad-droga li saret illum fil-Parlament.

Berry spjega li d-drogi sintetiċi li qed jintużaw illum huma aktar b’saħħithom minn dawk ta’ qabel. Minbarra dan, illum żdiedet il-popolarità tal-użu ta’ drogi differenti minn individwu wieħed, minflok droga waħda biss. Qal ukoll li fost l-affarijiet li jwasslu għad-droga hemm l-alkoħol, il-logħob tal-azzard u l-pornografija.

L-Ispettur Jonathan Cassar qal fl-istess konferenza li jeħtieġ li jsir titjib tat-teknoloġija u tat-taħriġ mogħti lill-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga, u għandhom isiru tibdiliet ukoll fil-qafas legali.

Il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia intervjena biex jinsisti fuq in-nuqqas ta’ kuntatt bejn l-għaqdiet li jħabirku kontra d-droga u t-tobba tal-familja. Bħala tabib, qal li hu t-tabib tal-familja li jrid isus wara dawn l-għaqdiet biex isir jaf bil-progress tal-vittma tad-droga.

Il-psikjatra Anton Grech semma mill-ġdid kif in-nisa ma jingħatawx wisq importanza fid-dinja tad-droga, iżda qal li jeħtieġ nirrikonoxxu li hawn numru ta’ nisa li jisfgħu vittmi tad-droga u tal-alkoħol, u li dan ħafna drabi jkun ġej minn ansjetà soċjali.

Claire Sammut, li taħdem fil-qasam terapewtiku, qalet li tixtieq li tkun vuċi għall-familja. Semmiet li ħafna drabi s-soċjetà tiffoka wisq fuq il-bżonn tal-individwu u tinjora l-konsegwenzi tal-abbuż tad-droga fuq il-bqija tal-familja.