Uru l-karta l-ħamra kontra reati bħal stupru – MCWO

Il-Konfederazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa (MCWO) kkundannat l-offerta ta’ kuntratt minn klabb tal-futbol lokali lil plejer barrani li kien instab ħati ta’ stupru.
Lorraine Spiteri, iċ-Chairperson tal-Konfederazzjoni, qalet li dan il-fatt jagħti impressjoni ħażina ta’ klabb partikolari u tal-futbol Malti b’mod ġenerali waqt li ħeġġet lill-klabbs Maltin biex ma jassoċjawx irwieħhom mar-reat ta’ stupru.
Fl-istess ħin, ħeġġithom biex jagħżlu plejers li fil-ħajja tagħhom huma ta’ eżempju għall-oħrajn.
L-għaqda saħqet li n-nisa f’Malta jistennew bi dritt li l-irġiel juru pubblikament solidarjetà kontra kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa, kemm f’livell istituzzjonali u anke individwali.
Tenniet li l-futbol hu sport importanti u jgħallem lil ħafna subien u żgħażagħ, ċertu rwoli maskili.
Esprimiet it-tama li d-dinja tal-isport, inkluż tal-futbol, tippromwovi mġieba li mhix vjolenti u mhix sesswali ta’ kif wieħed ikun raġel.
Fl-istess ħin, spjegat li fiha jieħdu sehem ukoll nisa –bħala plejers u bħala spettaturi– u għalhekk għandhom iħossuhom f’ambjent sigur li ma jaċċettax l-istupru.
Saħqet id-dinja tal-isport għandha turi l-karta l-ħamra u tolleranza zero għal vjolenza sesswali, razziżmu u reati oħra kontra l-persuna. 
Anke l-Prim Ministru, fi tmiem il-ġimgħa, ikkummenta dwar dan il-kuntratt.