Uri fehemtek: Għandu jkun hawn emerġenza nazzjonali minħabba l-coronavirus?

Miguela Xuereb

Read in English.

Inti x’taħseb? Qabel turi fehemtek nissuġġerulek taqra r-rapport li hemm taħt dan l-istħarriġ:

 

X’ġara qabel?

Fis-7 ta’ Marzu kellna tliet każi biss ta’ coronavirus. L-awtoritajiet iddeċidew li tiġi dikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa biex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-pandemija.

Illum għandna 396 każ mhux 3 biss. Illum ukoll għamilna rekord tal-mistħija. Tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 54 każ ġdid. L-R-Factor, jiġifieri l-ammont li bih tkun qed tinxtered il-pandemija, qiegħed jaqbeż ‘il fuq b’rati allarmanti.

Xi tliet ġimgħat ilu kien xi 0.3, imbagħad qabeż għal 0.6 u lbieraħ – is-Sibt –  kien 1.5.

Illum probabbli aktar.

Jekk fis-7 ta’ Marzu x-xjenza qalet li la hemm 3 każi għandha tiġi dikjarata emerġenza nazzjonali għas-saħħa, x’tgħid illum ix-xjenza meta għandna 396 każ?

X’qalu dwar l-emerġenza?

Is-Sibt waqt Newsbook Hour id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bl-emerġenza nazzjonali u mingħajrha l-Gvern xorta qed jieħu miżuri biex jikkumbatti l-coronavirus. Bl-emergenza nazzjonali dawn il-miżuri jinħarġu mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika b’sempliċi dikjarazzjoni; mingħajr emerġenza jinħarġu permezz ta’ avviż legali.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan, fl-istess programm qal li mingħajr emerġenza tas-saħħa pubblika jiddeċiedu l-politiċi, jiġifieri jiddeċiedi l-Gvern għax il-Gvern jista’ joħroġ avviż legali. Huwa jaqbel li tiġi dikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa biex jiddeċiedu l-professjonisti u mhux il-politiċi. Jekk tkun dikjarata emerġenza tiddeċiedi Prof. Charmaine Gauci li diġà qalet li kieku kien għaliha ma kinux isiru l-avvenimenti tal-massa li tant xerrdu l-virus u b’hekk splodew in-numri ta’ każi.

Waqt l-istess programm, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb qal li din il-ħaġa ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-MCESD. Hemmhekk intqal li m’hemmx għalfejn tiġi dikjarata l-emerġenza għax issa nafu biżżejjed dwar il-virus biex jittieħdu passi mingħajr ma tiġi dikjatata emerġenza.

Inti ma’ min taqbel?