“Urġenti li l-ġurnalisti jingħataw protezzjoni” – MEPs Maltin

It-tliet Membri Parlamentari Ewropej Maltin tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi malajr fuq temi relatati mal-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia f’Malta u Jan Kuciak fis-Slovakkja.
Sostnew li issa huwa urġenti li tinstab soluzzjoni għall-protezzjoni tal-ġurnalisti.
David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech tkellmu waqt id-dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew waqt diskussjoni li saret aktar kmieni dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti fl-Ewropa.
Huma qalu li għandu jkun hemm mekkaniżmu Ewropew dwar is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, flimkien mas-sejħa għal direttiva Ewropea kontra l-iSLAPP, issa huma urġenti, kif ukoll ir-rwol li l-Parlament Ewropew għandu jkollu fil-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li fiż-żewġ każijiet, hemm ħafna affarijiet simili. Fosthom semma l-korruzzjoni, l-abbuż ta’ poter u l-impunità.
Roberta Metsola, li tmexxi l-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew bħala Koordinatriċi fil-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Intern, qalet li min irid li l-verità tibqa’ moħbija jara bħala xkiel l-infurzar tal-liġi u l-investigazzjonijiet li jikxfu l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus.
L-MPE Francis Zammit Dimech, li hu membru tal-Kumitat Parlamentari dwar il-media qal li l-qtil ta’ Jan Kuciak iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar jekk il-midja Ewropea hix vera protetta. Saħaq li bħala Ewroparlamentari mhumiex se jħallu lil ħadd iwaqqaf milli ċ-ċittadini Ewropej jingħataw l-informazzjoni li hi ta’ tħassib għalihom.
Ritratt: Reuters