Kors biex żgħażagħ jagħmlu CV b’filmat fuq il-mowbajl

UpGrade Me huwa proġett ġdid internazzjonali li qed jintuża biex żgħażagħ b’mod speċjali dawk vulnerabbli jingħataw iċ-ċans li jikkreaw CV permezz ta’ filmat. B’hekk ikunu qed jipprattikaw l-abbiltà fil-komunikazzjoni kif ukoll isaħħu abbiltajiet oħra, filwaqt li jippreparaw ruħhom biex jintgħażlu għal intervisti tax-xogħol.

Kollox beda mill-idea li wieħed jieħu vantaġġ u juża l-aplikazzjonijiet ta’ google li huma b’xejn fuq kull mowbajl.

L-Assoċjazzjoni Afrikana tal-Midja f’Malta flimkien ma’ Solidariedad Sin Fronteras fi Spanja, kif ukoll Arciragazzi Portici fl-Italja ħolqu kors ta’ taħriġ. Dan kien immirat lejn persuni li jaħdmu ma żgħażagħ li huma vulnerabbli jew li huma immigranti. Dawn in-nies ġeneralment ma jkollomx komputers minn fejn joħolqu CV.

Il-kors jiffoka fuq tmien temi prinċipali. Fosthom kif wieħed jirriklama lilu nnifsu u kif jippreżenta ruħu, kif tagħmel email address ġdid, kif ukoll kif għandek tuża l-video editor li wieħed ikollu installat fuq il-mowbajl biex jirranġa l-filmati. Il-kors jinkludi wkoll gwida ta’ kif wieħed jista’ jsib opportunitajiet ta’ xogħol onlajn.

Il-proġett, li qed ikun iffinanzjat mill-Erasmus Plus, huwa skedat li jintemm fi Frar tal-2020. Ladarba jkun lest biex jiġi ppublikat, il-kors ta’ taħriġ se jkun aċċessibbli fuq pjattaformi differenti onlajn għal kwalunkwe persuna interessata.