Unur mill-Papa għal Charles Spiteri għall-kontribut fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Joe Grech

L-Għawdxi Charles Spiteri ngħata unur mill-Papa Franġisku għall-kontribut tiegħu fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Lejn tmiem il-funzjoni tal-Griżma tal-Isqof fil-knisja tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech għadda l-onorifiċenza “Pro Ecclesia et Pontifice” lil Charles Spiteri. Dan l-unur jingħata mill-Papa lil dawk l-Insara li jkunu ddistingwew ruħhom għas-servizz mogħti lill-Knisja f’xi qasam jew ieħor.

Mons. Grech irringrazzja lil Spiteri, f’isem il-Knisja f’Għawdex, għas-servizz li tul dawn is-snin kollha ta fil-qasam tal-ġurnaliżmu lokali, speċjalment fejn jidħlu l-attivitajiet djoċesani. Huwa qa li “Charles Spiteri huwa ġurnalista veteran u għal ħafna snin ismu kien sinonomu ma’ dak li jixxandar dwar Għawdex.”

Intqal li dak li Spiteri għamel dwar Għawdex, għamlu wkoll mad-Djoċesi Għawdxija. Charles kien il-kanal biex il-ħajja tal-għaqdiet reliġjużi, tal-parroċċi tad-djoċesi u tal-missjunarji Għawdxin issir aħbar nazzjonali. Għal snin twal huwa kien kontributur regolari tar-Rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex”. Għal din l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja, il-Papa Franġisku laqa’ t-talba tal-Isqof Mario Grech u tah din l-onorifiċenza.