​Unur mill-Istati Uniti għal Daphne Caruana Galizia

Is-Soċjetà Amerikana għall-Ġurnalisti u l-Awturi tat il-premju dwar il-kuxjenza fil-midja lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Dan il-premju huwa maħsub biex jonora ġurnalisti li sofrew f’ħajjithom b’mod personali fil-ħidma professjonali tagħhom.
Din hija biss it-tnax-il darba li dan l-unur qed jingħata fl-aħħar 43 sena.
Is-Soċjetà Amerikana ssemmi kif Daphne Caruana Galizia spiċċat maqtula wara sensiela ta’ theddidiet fuq ħajjitha u fuq il-familtha, u kif kienet l-ewwel persuna f’Malta li kitbet artiklu ta’ opinjoni taħt isimha.
Dwarha tkellmet ukoll iċ-Chairperson ta’ kumitat fi ħdan is-Soċjetà Amerikana għall-Ġurnalisti u l-Awturi, Sally Wendkos Olds li faħħret il-kuraġġ u d-dedikazzjoni li dejjem uriet f’ħidmietha Daphne Caruana Galizia. Qalet li dan għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-kittieba kollha.
Dan l-unur tal-Kuxjenza fil-Midja jappella biex tingħata iktar attenzjoni lil professjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv, li dejjem qed isir iktar perikoluż.
Is-Soċjetà Amerikana għall-Ġurnalisti u l-Awturi twaqqfet fl-1948. Kittieba oħra li rċevew dan l-istess unur jinkludu fost l-oħrajn persuni li nħatfu fis-Sirja, oħrajn li kitbu dwar ir-reġim militari fl-Arġentina, u oħrajn li nqatlu f’karozza-bomba wara li kitbu artiklu dwar il-Mafja.