Unjon fl-Arġentina titlob biex Evita Peron tkun dikjarata qaddisa

Evita Peron li l-ħaddiema fl-Arġentina jixtiequ li tkun dikjsrata qaddisa

Unjon fl-Arġentina nidiet kampanja li qed taħdem biex Evita Peron, attriċi li fis-snin 40 u 50 kienet popolari ħafna bħala l-First Lady tal-Arġentina tant li l-Kungress tal-pajjiż kien sejħilha “Il-Meddej Spiritwali tal-Pajjiż”, tkun formalment dikjarata qaddisa mill-Knisja Kattolika.

Madankollu, sorsi fil-Knisja Kattolika lokali qal li “għadu kmieni wisq”.

Mart il-politiku leġġendarju Arġentin, il-President Juan Peron, baqgħet magħrufa ħafna għall-musical li kienet ħadmet fl-1978 “Evita” miktub minn Andrew Lloyd Webber u Tim Rice li aktar tard inħadem film minn Madonna u Antonio Banderas.

Għalkemm hu magħruf li Papa Franġisku meta kien jgħix fl-Arġentina kellu preferenza għall-partit ta’ Peron imsejjaħ Partido Justicialista, uffiċjali tal-Knisja fl-Arġentina qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” u ġurnali lokali li billi l-imħabba li kellha Eviat għall-foqra ma kenitx ispirata minn xi konvinzjoni reliġjuża, aktar m’hix biżżejjed biex tinfetaħ kawża għall-qdusija.

Il-Konfederazzjoni Ġenerali tax-Xogħol tal-Arġentina kemm il-darba talbet lill-Vatikan biex jibda dan il-proċess favur dik li huma jsejħu “Il-Qaddisa tal-Poplu”. Dan il-proċess hu wieħed twil u billi Evita mietet fi Buenos Aires, il-proċess irid jibda minn din id-djoċesi llum immexxija mill-Kadinal Mario Poli, is-suċċessur ta’ Papa Franġisku fil-kapitali Arġentina.

Il-Papa jista’ jinjora dan il-proċess u jiddikjara persuna bħala qaddis b’mod dirett, iżda ma hemm ebda indikazzjoni li l-Papa Franġisku se jagħmel dan fil-każ ta’ Evita Peron.

Santa Evita

Evita mietet fl-1952 bil-marda tal-kanċer, fl-età ta’ 33 sena. Ftit wara mewtha, l-Unjon tal-Bejjiegħa tal-Gazzetti tal-Arġentina kitbet lill-Vatikan u talbet li tinfetaħ il-kawża għall-qdusija tagħha iżda din it-talba kienet miċħuda b’mod diplomatiku mill-Vatikan.

Madankollu is-segwaċi tagħha u ta’ żewġha – l-aktar il-foqra u l-ħaddiema – ikkanonizzawha b’mod informali, u bdew isejħula “Santa Evita”.

Hu fatt magħruf li Evita Peron, kuljum kienet tagħmel numru ta’ siegħat tiltaqa’ mal-foqra u l-morda u tmiss u tbus il-feriti tagħhom.

L-awturi tal-musical “Evita” jsostnu li meta din il-mara tiltaqa’ u tmiss lill-lebbrużi u morda oħra, ma baqgħetx il-mara tal-President u ħadet il-kattersitiċi tal-qaddisin tal-Knisja Kattolika.

70 sena minn mewtha

Kważi 70 sena wara mewtha u 100 sena minn twelidha l-Unjon ddeċidiet li tagħmel it-talba uffiċjali biex Evita tkun dikjarata qaddisa.

Iżda fl-Arġentina mhux kulħadd jara lil Evita Peron fl-istess dawl. Ħafna jakkużawha flimkien ma’ żewġha, b’korruzzjoni u li kienu il-bidu tat-tmiem tal-prosperità li kien igawdi minnha dan il-pajjiż li sas-snin 30 kellu l-għaxar l-akbar ekonomija fid-dinja li mbagħad minħabba l-instabilità politika wasslet għal dik magħrufa bħala l-“Argentine Great Depression” li bdiet fl-1998.

L-Arċisqof Eduardo Martin ta’ Rosario, nhar l-Erbgħa li għadda qal lill-ġurnalisti li kien “sorpriż” bit-talba tal-Unjon, iżda “hu leġittimu li wieħed jitlob xi ħaġa”.

Hu żied jgħid li ma jafx jekk l-union għamlitx it-talba tagħhom b’mod formali u skont il-proċedura stabilita. “Għall-Knisja il-qaddisin huma mudelli li wieħed għandu jsegwi f’ħajtu u jitlob l-interċessjoni tagħhom. Persuna tkun dikjarat qaddis/a għal raġunijiet eminentement reliġjużi u għall-ebda raġuni oħra”.