Unjin tistaqsi għaliex ġie kkastigat plejer li kiser ir-regoli

Il-unjiin tal-futbolers professjonali ma tistax tifhem għalfejn bdew proċeduri kontra plejer li kiser ir-regoli.

Fi stqarrija, il-FIFPro, unjin li tirrappreżenta lil aktar minn 60,000 plejer madwar id-dinja qalet li l-plejer Samir Arab ammetta li kiser ir-regoli tal-UEFA.   Arab kien parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena. Huwa ġie sospiż għal sentejn wara li ma nfurmax immedjatament lill-UEFA li ġie mħeġġeġ jipparteċipa f’attivitajiet li jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ logħba. L-appell tiegħu ġie rifjutat mill-UEFA f’April li għadda. L-allegat tbagħbis fil-logħbiet kien sar f’żewġ partiti li Malta lagħbet kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka sentejn ilu.

Fi stqarrija, il-UEFA qalet li tilqa’ wkoll id-deċiżjoni tal-Qort ta’ Arbitraġġ għall-Isport (CAS) li ċaħdet l-appell li għamel Samir Arab kontra s-sospenzjoni ta’ sentejn ordnata mill-Korp tal-Appelli tal-UEFA. B’reazzjoni qal dan, il-FIFPro qalet li temmen li s-sospenzjoni hija disproporzjonata u inġusta. L-unjin żiedet tgħid li lanqas tista’ tifhem id-deċiżjoni tal-UEFA biex tibda proċeduri dixxipplinarji kontra l-plejer.

“Għalkemm Samir Arab ammetta li ma rrappurtax li ġie avviċinat dwar it-tbagħbis lill-UEFA jew lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), tliet ġimgħat wara l-inċidenti huwa kkoopera bi sħiħ ma’ investigazzjoni tal-pulizija f’Malta u xehed fil-Qorti kontra min kien wara l-pjan tat-tbagħbis, persuna b’kondotta kriminali li diġà ġiet projbita mill-futbol għal attentati simili preċedenti.”

Il-FIFpro qalet ukoll li l-Qorti Maltija deskriviet lil Arab bħala “xhud importanti”. Spjegat li ma tistax tifhem kif xhud f’proċeduri kriminali jista’ jiġi kkastigat mill-UEFA sena wara b’sospenzjoni ta’ sentejn mill-isport. Huwa lanqas jista’ jitħarreġġ mall-klabb tiegħu.

Il-FIFPro saħqet fuq l-importanza tal-edukazzjoni tal-plejers iż-żgħar u fuq il-protezzjoni tal-plejers li jirrappurtaw l-ksur tar-regoli. Il-UEFA qalet li tibqa’ kommessa li teqred it-tbagħbis tal-logħob mill-futbol u fakkret fit-tolleranza-zero li għandha f’dan ir-rigward.