Unjin tal-għalliema tirreġistra tilwima dwar Skola Sajf

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) irreġistrat tilwima industrijali mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi minħabba l-ħlasijiet lill-edukaturi tal-Iskola Sajf.

It-tilwima saret minħabba l-fatt li l-ewwel pagament li l-edukaturi mistennija jirċievu se jseħħ fis-7 ta’ Settembru u t-tieni wieħed se jseħħ fl-10 ta’ Ottubru. Skont l-Unjin dewmien bħal dan huwa ksur tal-Att għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali li jistipula li l-ħaddiema għandhom jirċievu pagamenti regolari u l-arretrati ma għandhomx jeċċedu l-erba’ ġimgħat.

Kelliema għall-unjin sostnew li ma rċevewx risposta mill-Ministeru dwar il-kwistjoni wara li ntbagħtet korrispondenza bl-emejls iżda se sseħħ laqgħa mal-awtoritajiet nhar it-Tlieta li ġej u kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li se jkunu riveduti l-proċeduri ta’ pagament għal ħaddiema part-time u ħaddiema staġjonali fis-snin li ġejjin. Din is-sena l-kelliem ikkonferma li l-ħaddiema se jitħallsu darbtejn minflok tliet darbiet bħas-sena li għaddiet.