Università tal-Ġiżwiti u Karitajiet Kattoliċi jiftħu “klinika” dwar l-emigrazzjoni

L-Università Gonzaga li tinsab fi Spokane fl-Istati Uniti

L-Universita tal-Ġiżwiti – il-Gonzaga Law School – u Karitajiet Kattoliċi fl-Istati Uniti ingħaqdu biex flimkien fetħu dik li qed tissejjaħ “klinika dwar l-emigrazzjoni” bl-iskop li jgħinu nies bi dħul baxx fil-ħtiġijiet li jkollhom dwar l-emigrazzjoni u jittrenjaw studenti fil-liġi dwar l-emigrazzjoni.

Din l-inizjattiva tħabbret nhar it-Tnejn li għadda li kien Jum il-Popli Indiġeni.

Skont il-Karitajiet Kattoliċi miġbura fl-“Eastern Washington”, il-klinika hi maħsuba biex tindirizza ħtiġijiet legali tal-emigranti u l-familji tagħhom fi Spokane, liema ħtiġijiet sal-lum għad m’humiex sodisfatti.

Ideali Ġiżwiti

“Din is-sħubija se tagħti lill-komunita’ tal-iskola tal-liġi, opportunità unika biex jipprattikaw l-ideali Ġiżwiti ta’ kollaborazzjoni, l-edukazzjoni ta’ aġenti tal-bidla u jaqdu lill-foqra u l-emarġinati fil-komunità”, qal Jacob Rooksby, Dekan tal-Gonzaga Law Scool.  “Din il-kollaborazzjoni twieġeb għas-sejħa li għamlu l-mexxejja tas-Soċjetà ta’ Ġesù biex jitkellmu aktar f’isem l-emigranti, ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu ażil.”

Is-servizz lil dawk li jinħtieġuh  se jingħata fl-istess università.

L-Assistenza Legali tal-Università, tipprovdi servizzi legali filwaqt li tħarreġ studenti tat-tieni u t-tielet sena fil-kors tal-liġi, taħt is-superviżjoni ta’ avukat.  Dawn l-istudenti jrrapreżentaw bla ħlas lil klijenti fl-oqsma tal-unifikazzjoni tal-familji, il-ksib ta’ visas fuq bażi umanitarja u għajnuna lil persuni li jfittxu li jkunu naturalizzati fl-Istati Uniti.

Metodi kreattivi

“Inħossni eċitat li se ningħaqdu mal-Università Gonzaga biex insibu metodi kreattivi u ġodda biex naqdu lil ħutna l-emigranti”, qal Rob McCann, President u Kap Eżekuttiv tal-Karitajiet Kattoliċi. “Din hi kollaborazzjoni unika bejn organiżazzjonijiet Kattoliċi tal-Karita u Università Kattolika fil-qasam tal-emigrazzjoni u sservizzi legali marbuta magħhom, fl-Istati Uniti”.

Il-Karitajiet Kattoliċi qalu li jridu jfakkru lin-nies li l-Amerika hi pajjiż tal-emigranti “li dejjem issaħħet minn dawk li ġew minn partijiet oħra tad-dinja biex jingħaqdu magħna”.