Tinħoloq nasba aktar effettiva kontra n-nemus

Nasba ġdida għan-nemus li  tuża r-riħa tal-bniedem flimkien ma’ ilma sħun u ċilindru skur żgħir se tibdel il-mod ta’ kif jinqabdu l-insetti f’pajjiżi żviluppati.
Fi stqarrija l-Università ta’ Greenwich fl-Ingilterra, il-post fejn ġiet żviluppata din in-nasba, qalet li b’din in-nasba l-ġdida s’issa rnexxielhom jaqbdu ħafna aktar nemus minn kwalunkwe nasba magħmula mill-bniedem s’issa.
Gabriella Gibson, li mexxiet din ir-riċerka, qalet li t-tim tagħha qed jikkunsidra din l-iskoperta u apparat ġdid bħala wieħed li se jagħmel differenza kbira madwar id-dinja.
In-nasba l-ġdida topera billi ċ-ċilindru jkun mimli ilma sħun u miksi b’tejp li jweħħel minn barra. Iċ-ċilindru jarmi riħa simili għal dik tal-bnedmin li jiġġenera b’mod awtomatiku meta jitpoġġa f’kamra fejn xi ħadd ikun rieqed.
Ir-riħa tattira n-nemus u riżultat ta’ dan jeħlu mat-tejp taċ-ċilindru.
Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja tinsab f’riskju li timrad bil-malaria trażmessa min-nemus.
Fl-2015 kien hemm 200 miljun każ ta’ dan it-tip, fejn nofs miljun persuna tilfu ħajjithom, b’90% tal-każijiet kienu fl-Afrika.
Għalkemm teżisti kura u trattament għall-malarja l-iktar mod effettiv kif wieħed jikkontrolla t-tixrid ta’ din il-marda hu billi jikkontrolla n-nemus li jġorrha.